Friday, April 26, 2024

SANZJONIJIET REGOLATORJI

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Fit-tmexxija tas-suq ħieles kif żviluppa fl-aħħar tletin sena, rwol importanti spiċċaw jeħduh l-aġenziji regolatorji, mistennija li jimxu b’mod indipendenti mill-gvern u minn interessi privati. Huma għandhom jiżguraw li r-regoli ta’ tmexxija tas-suq ħieles ikunu rispettati minn kulħadd ħalli jirnexxu dawk li tassew huma effiċjenti u jipprovdu prodotti u servizzi kompetittivi.

Ir-rwol tal-gvern li jikkmanda x’jiġri fl-ekonomija ntesa kważi għal kollox.

Biss biex l-aġenzija regolatorji jagħmlu dmirhom tajjeb, iridu jkollhom il-poter iwaħħlu pieni fuq min qed jikser b’xi mod jew ieħor, ir-regoli tas-suq. F’ħafna każi nstab li biex is-sanzjoni tkun effettiva trid tkun qawwija. Hawn tfaċċa l-bużillis li sanzjonijiet hekk għandhom jitħallew għall-qrati mhux għal aġenziji para-governattivi.

Il-problema ma qamitx f’Malta biss imma kważi kullimkien. U tajjeb li nqisu kif ffaċċjawha pajjiżi oħra.

Ironija hi li l-PN – li kien responsabbli biex l-ekonomija “ta’ kmand” tiġi żmantellata u minflok tiddaħħal l-ekonomija tas-suq, l-aktar qed isib diffikoltà jaċċetta li l-aġenziji regolatorji jeħtieġu poteri ta’ sanzjoni biex ikunu jistgħu jwettqu ħidmiethom sew.

ĦAĠA STRAMBA

Dr Joe Brincat għamel analiżi serju tad-difetti fid-disinn u t-tmexxija tal-inkjesta publika dwar il-qtil tas-sinjura Caruana Galizia. Kważi l-uniku kumment ta’ qawwa dwar hekk għamlu biss l-eks-Prim Ministru Joseph Muscat.

Għalija m’hemm l-ebda dubju li l-kritika fattwali mressqa minn Dr Brincat għandha validità kbira, speċjalment fir-rigward tal-eks Prim Imħallef Said Pullicino. Niskanta madankollu kif ma qanqlitx l-interess u l-kurżità ta’ dik il-midja hekk imsejħa indipendenti, li ssegwi kull ħaġa li titqanqal dwar il-każ tal-qtil tas-sinjura Caruana Galiżia.

Possibbli li f’kuntest fejn anke t-telefonati li jagħmel ministru biex isib xogħol għal xi kostitwenti tiegħu titqies bħala storja “kbira” (qisha l-ewwel darba li ġrat), din l-istorja dwar l-operat tal-bord ta’ inkjesta publika twarrbet?… hekk!!?

ŻDINGAR FIT-TOROQ

L-iżdingar fit-toroq m’hemmx li jieqaf. Bankini mħattba jew maqlugħa. Toroq imsewwija ta’ kafkaf. Kanali għall-ħruġ tal-ilma mblukkati. Tagħmir użat għal tiswijiet imħolli fuq bankini għal ġimgħat sħaħ. Nuqqasijiet ta’ manutenzjoni u tindif.

Bħal ma dejjem jiġri f’dal-pajjiż, meta tipprova tifhem għaliex jiġru dawn l-affarijiet issib li ħadd mhu responsabbli għal “kollox” – kulħadd jagħmel il-parti tiegħu u ħaddieħor l-istess. B’hekk il-ħmar jispiċċa jwaħħal f’denbu. 

Dan il-mudell ta’ kif jitmexxew l-affarijiet mhuwiex monopolju ta’ xi amministrazzjoni waħda. Kollha b’mod jew ieħor ħallewha tiġri.

U lanqas hu limitat għall-ħidma fit-toroq. Hu mudell applikat kważi f’kull qasam – minn servizzi finanzjarji sa ħarsien ambjentali sa sorvelja sanitarja. Hu waħda mir-raġunijiet għaliex tal-FATF poġġew lil Malta fuq illista griża tagħhom.

Sport