Bħala parti mill-impenn kontinwu tal-Gvern għas-saħħa u s-sigurtà pubblika, il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva nieda l-Kampanja ta’ Tilqim Staġjonali 2024.
Din is-sena, minbarra t-tilqim b’xejn kontra l-influwenza u l-COVID-19 lil kull min għandu sitt xhur jew aktar, ser tkun qed tiġi offruta l-vaċċin Pnewmokokkali 20 (PCV 20) mingħajr ħlas lill-individwi kollha li għandhom 65 sena jew aktar. Din l-inizjattiva hija xhieda tal-impenn tal-Gvern li jinvesti fil-protezzjoni tas-saħħa u jiżgura l-benesseri tal-anzjani.
Il-kampanja ta’ tilqim staġjonali għall-2024 se tibda fil-21 ta’ Ottubru u tibqa’ għaddejja sal-15 ta’ Diċembru.
Il-vaċċin PCV 20, li issa ġie inkluż fil-formularju nazzjonali, jipproteġi kontra infezzjonijiet ikkawżati minn Streptococcus pneumoniae, batterju responsabbli għal infezzjonijiet serji bħal infezzjonijiet fis-sider u sepsis, b’mod partikolari f’adulti akbar fl-età.
Individwi eliġibbli jistgħu jirċievu t-tilqim tagħhom fil-postijiet u l-ħinijiet li ġejjin:
- Il-Mosta, il-Furjana, Raħal Ġdid, u ċ-ċentri tas-saħħa ta’ Għawdex: Disponibbli matul il-ġimgħa kollha, inklużi tmiem il-ġimgħa u festi pubbliċi, mis-13:00 sas-19:00 (walk-in service).
- Bormla, Birkirkara, il-Gżira, Ħal Kirkop, ir-Rabat, u ċ-ċentri tas-saħħa ta’ Ħal Qormi: Disponibbli mit-Tnejn sal-Ġimgħa, esklużi l-festi pubbliċi, mis-13:00 sas-19:00 (walk-in service).
Wara l-15 ta’ Diċembru 2024, il-vaċċini kontra l-influwenza u l-COVID-19 se jkomplu jkunu disponibbli permezz tal-kmamar tat-trattament taċ-ċentri tas-saħħa, u l-vaċċin PCV 20 se jkun disponibbli b’appuntament permezz tal-kliniċi tas-Servizz Nazzjonali tal-Immunizzazzjoni.
Persuni li huma residenti fi djar għall-anzjani, f’San Vinċenz de Paule, u f’Karin Grech Rehabilitation Hospital, se jiġu offruti tilqim fir-residenza.
It-tliet vaċċini jistgħu jingħataw f’sessjoni waħda, jew jinfirxu kif meħtieġ, abbażi l-preferenza tal-pazjent.
Li wieħed jieħu l-vaċċin annwali kontra l-influwenza u l-vaċċin tal-COVID-19 huwa wieħed mill-aħjar modi biex jipproteġi lilu nnifsu minn mard serju. Dawn il-vaċċini jipproteġu wkoll kontra l-aħħar varjanti tal-virus. Billi wieħed jitlaqqam kull sena, mhux biss inaqqas ir-riskju ta’ kumplikazzjonijiet severi, iżda jgħin ukoll biex jiġi evitat it-tixrid tal-virus fil-komunità.
Dawk li huma eliġibbli huma mħeġġa jieħdu din l-opportunità u jipproteġu lilhom infushom. It-tilqim huwa pass kruċjali fis-salvagwardja tas-saħħa tal-komunità, speċjalment matul l-istaġun tal-influwenza.