Saturday, June 13, 2026

‘Se naħdmu kuljum biex nagħmlu ġieħ lill-isem ta’ Sliema Wanderers u lill-komunità kollha li tant tħobb dan il-klabb’ – Walter Arciola

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Sliema Wanderers FC daħlu f’kapitlu ġdid fl-istorja twila u glorjuża tagħhom hekk kif Walter Arciola ġie elett bħala l-President il-ġdid tal-klabb. Għal Arciola, li huwa partitarju ferventi tal-Blues sa minn ċkunitu, din il-ħatra tfisser aktar minn sempliċi kariga amministrattiva.

“Esperjenza sabiħa ħafna. Kif kulħadd jaf, jien partitarju kbir ta’ Sliema Wanderers u li tkun qed tmexxi dan il-klabb glorjuż hija xi ħaġa li diffiċli tiddeskriviha bil-kliem,” qal Arciola hekk kif tkellem dwar l-emozzjonijiet li ħass wara l-elezzjoni tiegħu waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali.

Imwieled fil-15 ta’ Mejju 1982, Walter Arciola bena karriera professjonali u akkademika soda. Huwa studja fl-Università ta’ Malta fejn kiseb kwalifika postgraduate fit-Turiżmu kif ukoll Masters fil-Management. Din il-formazzjoni għenitu jokkupa diversi rwoli ta’ responsabbiltà fis-servizz pubbliku, inkluż ma’ entitajiet governattivi importanti.

Madankollu, il-passjoni tiegħu għall-futbol u b’mod partikolari għal Sliema Wanderers dejjem baqgħet fil-qalba ta’ dak kollu li jagħmel. Matul is-snin serva f’diversi rwoli fi ħdan il-klabb, l-aktar bħala membru tal-kumitat u aktar tard bħala Viċi-President.

“Nixtieq nirringrazzja lill-membri kollha li tawni l-fiduċja tagħhom. Fl-istess ħin irrid nirringrazzja lill-kumitat kollu, speċjalment dawk il-membri ġodda li qed joffru l-ħin, l-enerġija u l-esperjenza tagħhom biex ngħinu lil Sliema Wanderers jimxu ’l quddiem.”

Arciola ma jaħbix il-fatt li l-klabb ġej minn staġun diffiċli. Minkejja investiment sostanzjali fl-iskwadra matul is-sajf li għadda, il-Blues naqsu milli jirbħu unuri ewlenin u sfaw barra mill-kompetizzjonijiet Ewropej.

“Naturalment kulħadd jaf li l-istaġun li għadda ma kienx wieħed li ssodisfa l-aspettattivi tagħna. Sliema Wanderers huwa klabb li dejjem għandu ambizzjonijiet għoljin, iżda rridu nkunu realistiċi wkoll. L-ewwel prijorità tagħna hija li nibnu pedamenti sodi.”

Il-President il-ġdid jinsisti li l-klabb mhux se jagħmel wegħdiet kbar jew joħloq aspettattivi esaġerati.

“Ma rridux naraw kbir. Irridu nibqgħu b’saqajna mal-art. It-tragward tagħna huwa li nibnu skwadra kompetittiva u denja tal-isem ta’ Sliema Wanderers. Irridu nkunu fost it-timijiet ta’ fuq fil-Premier League u minn hemm nibnu pass pass.”

Wieħed mill-ewwel kompiti tal-amministrazzjoni l-ġdida se jkun il-ħatra ta’ kowċ ġdid wara t-tluq ta’ Pablo Doffo. Rapporti qed jorbtu lill-kowċ Serb Branko Nišević mal-kariga, għalkemm Arciola jippreferi jiffoka fuq il-proċess aktar milli fuq ismijiet individwali.

“Qed naħdmu fuq diversi aspetti relatati mal-futur immedjat tal-klabb. Waħda mill-prijoritajiet hija l-istruttura teknika u sportiva. Irridu nieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba biex noħolqu stabbiltà u kontinwità.”

Matul iż-żmien tiegħu bħala Viċi-President, Arciola kien involut direttament f’perjodu sensittiv għall-klabb, li kien jinkludi sfidi finanzjarji u sportivi kif ukoll il-proċess ta’ rkupru wara r-relegazzjoni u r-ritorn fil-Premier League.

“Dawk kienu snin importanti ħafna. Tgħallimt ħafna dwar ir-reżiljenza, il-ħidma f’tim u l-importanza li kulħadd jaħdem lejn l-istess għan. Illum għandna opportunità li nkomplu nibnu fuq dak ix-xogħol.”

Matul dawn l-aħħar snin, Arciola kien wieħed mill-persuni li ħadmu biex isaħħu r-rabta bejn il-klabb u l-komunità Slimiża. Huwa jemmen li s-suċċess ta’ Sliema Wanderers għandu jkun mibni mhux biss fuq ir-riżultati sportivi iżda wkoll fuq sens qawwi ta’ appartenenza.

“Sliema Wanderers huwa aktar minn klabb tal-futbol. Huwa parti mill-identità ta’ ħafna familji Slimiżi u ta’ eluf ta’ partitarji madwar Malta. Irridu nkomplu nsaħħu din il-konnessjoni billi nkunu aktar viċin tan-nies, nisimgħu l-ideat tagħhom u noħolqu ambjent fejn kulħadd iħossu parti mill-familja ta’ Sliema Wanderers,” sostna Arciola.

Esperjenza oħra li tqisha importanti kienet ir-rappreżentanza tal-klabb f’laqgħat u attivitajiet tal-UEFA fl-Isvizzera.

“Meta tirrappreżenta lil Sliema Wanderers fuq livell internazzjonali tifhem aktar kemm dan il-klabb għandu storja kbira u reputazzjoni li rridu nkomplu nsaħħu.”

Arciola jemmen li s-suċċess ma jitkejjilx biss bir-riżultati fil-grawnd, iżda wkoll bil-kwalità tal-amministrazzjoni, il-governanza u l-istrutturi interni.

“Il-futbol illum jinvolvi ħafna aktar minn dak li jiġri fil-90 minuta. Hemm il-ġestjoni, il-komunikazzjoni, il-finanzi, l-iżvilupp taż-żgħażagħ u r-relazzjoni mal-partitarji. Irridu nkomplu nsaħħu dawn l-oqsma kollha.”

Naturalment, il-partitarji jibqgħu fil-qalba tal-proġett il-ġdid.

“Il-partitarji tagħna huma l-akbar saħħa tal-klabb. Kienu magħna fi żminijiet sbieħ u diffiċli. Irridu li jkunu involuti u qrib il-klabb kemm jista’ jkun.”

Meta mistoqsi dwar il-viżjoni fit-tul tiegħu, Arciola kien ċar.

“Nixtieq nara klabb magħqud, professjonali u stabbli. Klabb li jirrispetta l-passat glorjuż tiegħu iżda li fl-istess ħin iħares lejn il-futur. Sliema Wanderers għandu identità unika u rridu nżommuha filwaqt li nkomplu nikbru.”

B’dan il-mod, Walter Arciola qed jibda wieħed mill-akbar kapitli personali tiegħu, iżda wkoll wieħed importanti għall-futur ta’ Sliema Wanderers.

Bil-passjoni ta’ partitarju, l-esperjenza ta’ amministratur u l-appoġġ ta’ kumitat imġedded, huwa determinat li jmexxi lill-Blues lejn perjodu ġdid ta’ stabbiltà u progress.

“Se jkun hemm ħafna xogħol x’isir, iżda aħna lesti għal din l-isfida. Se naħdmu kuljum biex nagħmlu ġieħ lill-isem ta’ Sliema Wanderers u lill-komunità kollha li tant tħobb dan il-klabb.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport