F’San Ġiljan, il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela, inawgura l-ftuħ uffiċjali tal-lukanda Hyatt Centric Malta, immexxija mill-grupp Malti JUEL.
Dr Abela rrimarka li l-ftuħ ta’ din il-lukanda jixhed l-ispirtu intraprenditorjali b’saħħtu f’pajjiżna li jkompli jmexxi l-investiment u l-opportunitajiet, kif ukoll huwa simbolu ta’ fiduċja fil-futur ta’ pajjiżna.
Hyatt Centric Malta, li fiha 170 kamra, apparti li toffri lill-viżitaturi ospitalità ta’ livell dinji, tistedinhom ukoll li jiskopru r-rikkezzi tal-wirt Malti, b’esperjenzi li jagħmlu lil pajjiżna speċjali.
Il-Prim Ministru rrimarka kif din il-lukanda tirrifletti l-evoluzzjoni tal-industrija turistika ta’ pajjiżna lejn esperjenzi personalizzati u awtentiċi. Huwa faħħar lit-tim kollu ta’ JUEL Group għall-ambizzjoni u l-impenn tagħhom u saħaq li l-Gvern jibqa’ impenjat li jappoġġja investimenti bħal dawn li joħolqu impjiegi ta’ kwalità u li jtejbu l-prodott turistiku tagħna.
Il-Prim Ministru qal ukoll li l-Gvern se jkompli jipprovdi stabbiltà fis-settur tal-enerġija anke billi jipprovdi provvista suffiċjenti ta’ gass u fuel tal-avjazzjoni biex jiġi assigurat li l-industrija tal-avjazzjoni u t-turiżmu jkomplu jiffunzjonaw mingħajr interruzzjoni.
Dr Abela semma wkoll kif fl-aħħar ġimgħat diversi aġenziji internazzjonali ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu kkonfermaw l-ekonomija b’saħħitha u reżiljenti ta’ pajjiżna u saħaq li dawn ir-riżultati jistgħu jintlaħqu biss permezz ta’ kollaborazzjoni kontinwa bejn il-Gvern u l-operaturi tan-negozju u l-intraprendituri ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru temm jgħid li l-ftuħ ta’ Hyatt Centric Malta turi wkoll li pajjiżna qed ikompli jattira ditti internazzjonali u tibgħat messaġġ ċar li pajjiżna se jkompli joffri stabbiltà u ambjent akkoljenti għal negozji li jaqsmu l-impenn tagħna għall-eċċellenza. Waqt l-inawgurazzjoni l-Prim Ministru kien akkumpanjat ukoll minn Dr Lydia Abela.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Jo Etienne Abela stqarr li dan huwa investiment li jixhed kunfidenza fil-futur ta’ Malta, fis-settur tat-turiżmu u fir-riżors uman li jmexxih. “Il-Gvern jibqa impenjat li jkompli jkun ta’ spalla u jinkoraġixxi dawn l-inizjattivi għal ġid ta’ pajjiżna,” stqarr il-Ministru Abela.
Adrian Muscat, Direttur ta’ JUEL Group, stqarr li grazzi għar-riformi mmexxija mill-Gvern fil-qasam tat-turiżmu, qed iwasslu għal tisħiħ f’din l-industrija. Huwa rringrazzja lil Hyatt għall-fiduċja tagħhom li wasslet sabiex din id-ditta rinomata tinġieb f’pajjiżna, kif ukoll lil dawn kollha li taw l-appoġġ f’dan il-proġett. “Kburi ferm b’dak li bnejna u fuq kollox grat lejn in-nies li għenu biex dan kollu jsir realtà,” temm jgħid is-Sur Muscat.



