Se terġa’ tittella’ l-attività ‘Maltese Sausage Day’ biex tkompli tippromwovi u tgħolli l-valur tal-prodotti tradizzjonali Maltin

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel, permezz tal-Biċċerija Pubblika, se jerġa’ jorganizza l-attività Maltese Sausage Day, li se ssir nhar il-Ġimgħa, 31 ta’ Lulju, mit-8pm ’l quddiem fil-Biċċerija Pubblika fil-Marsa.

L-attività, organizzata b’kollaborazzjoni mas-settur privat, għandha l-għan li tkompli tippromwovi l-prodotti lokali, b’enfasi partikolari fuq iz-zalzett tal-Malti, prodott tradizzjonali li jifforma parti importanti mill-wirt gastronomiku ta’ pajjiżna.

Matul is-serata, il-pubbliku se jkun jista’ jgawdi minn varjetà ta’ platti bbażati fuq iz-zalzett tal-Malti, kif ukoll minn esebizzjoni u bejgħ ta’ prodotti agroalimentari lokali. L-attività se tinkludi wkoll divertiment mużikali, żona għat-tfal u diversi attivitajiet għall-familja kollha.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo qal li din l-inizjattiva hija parti mill-ħidma kontinwa tal-Gvern biex ikompli jagħti valur lill-prodotti lokali u jsaħħaħ il-katina agroalimentari Maltija. “Meta nagħżlu prodotti lokali nkunu qed nappoġġaw direttament lill-bdiewa, lir-raħħala u lill-produtturi tagħna. Iz-zalzett tal-Malti huwa prodott tradizzjonali u huwa parti mill-identità u l-kultura tagħna. Permezz ta’ attivitajiet bħal dawn qed inkomplu nsaħħu l-apprezzament lejn il-prodotti tagħna u nħeġġu aktar konsum tal-prodott Malti”, sostna l-Ministru Refalo.

Id-Direttur tal-Biċċerija Pubblika, Stefan Cachia, spjega kif din l-attività hija opportunità oħra biex il-Biċċerija Pubblika turi l-ħidma li twettqet matul dawn l-aħħar snin fl-impjant, kemm permezz ta’ investimenti infrastrutturali, kif ukoll fil-ħidma biex prodotti tradizzjonali jerġgħu jiġu skoperti u żviluppati bħala opportunitajiet ta’ valur miżjud għall-industrija lokali tal-laħam. Huwa żied li l-Biċċerija Pubblika qed tkompli tinvesti wkoll fir-riċerka u l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda tal-laħam, bil-għan li tkompli ssaħħaħ u tappoġġa dan is-settur.

Il-Ministeru jistieden lill-pubbliku jattendi għal din l-attività, li tgħaqqad il-gastronomija, it-tradizzjoni u d-divertiment, filwaqt li tkompli tagħti prominenza lill-prodotti ta’ kwalità, prodotti minn bdiewa, raħħala u produtturi Maltin.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport