Waqt żjara f’Ġian Franġisk Abela Junior College u Giovanni Curmi Higher Secondary, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima ħabbar li l-applikazzjonijiet għall-istipendji u għotjiet (grants) online se tiftaħ illum, it-Tlieta, l-1 ta’ Ottubru 2024.
Ħabbar ukoll li matul din is-sena akkademika se tidħol fis-seħħ it-tieni fażi ta’ titjib fil-klassifikazzjoni ta’ numru ta’ korsijiet offruti mill-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) fil-livell 4 u mill-Università ta’ Malta fil-livell 6 tal-Kwalifiki tal-Qafas Malti.
Din hija t-tieni sena li matulha aktar studenti tal-MCAST li jkunu qed isegwu korsijiet fil-livell 4 tal-Qafas Malti tal-Kwalifiki se jibbenefikaw minn rata għola fl-istipendju u l-għotjiet li huma intitolati għalihom. Il-korsijiet huma: Diploma Avvanzata fl-IT (Computer Systems and Networks); Diploma Avvanzata fl-IT (Multimedia Software Development); Diploma Avvanzata Pharmacy Technicians; u Diploma Avvanzata Applied Science.
Ma’ dawn hemm ukoll speċjalizzazzjonijiet ġodda offruti mill-MCAST tad-Diploma Avvanzata fl-Industrial Electronics: Diploma Avvanzata Industrial Electronics (Computer Technology); Diploma Avvanzata Industrial Electronics (Biomedical Technology); Diploma Avvanzata Industrial Electronics (Telecommunications Technology); Diploma Avvanzata Industrial Electronics (Control Technology); Diploma Avvanzata Industrial Electronics (Electrical Power Technology); Diploma Avvanzata Industrial Electronics (Domestic Installations); u Diploma Avvanzata Industrial Electronics (Electronic Circuit Manufacturing).
Studenti f’dawn il-korsijiet se jibbenefikaw minn stipendji u għotjiet (grants) relatati mal-kategorija preskritti flok il-kategorija Ġenerali.
Miżura oħra li tħabbret, se jgawdu minnha l-istudenti tal-Università ta’ Malta li qed jistudjaw biex isiru tobba – Doctor of Medicine and Surgery. Minn din is-sena dawn ukoll se jibbenefikaw minn rata għola fl-istipendji u l-għotjiet (grants) tagħhom. Dawn l-istudenti wkoll se jibbenefikaw minn stipendji u grants tal-kategorija Preskritta flok dik Ġenerali.
Se jitkompla wkoll il-proċess marbut ma’ studenti fl-Università ta’ Malta, li jibdew fil-livell ta’ Baċellerat fil-korsijiet hawn taħt imsemmija u jagħżlu li jkomplu jistudjaw fil-livell ta’ Master in Teaching and Learning, biex isiru għalliema, ħalli dawn jibbenefikaw minn stipendji u għotjiet (grants) marbuta mal-kategorija ‘High Priority’. Il-korsjiet huma: Bachelor of Science (Honours) in Biology; Bachelor of Science (Honours) in Geosciences and Mathematics; Bachelor of Science (Honours) in Geosciences and Physics; Bachelor of Science (Honours) in Geosciences and Statistics and Operations Research; Bachelor of Science (Honours) in Chemistry; Bachelor of Science (Honours) in Physics; Bachelor of Science (Honours) in Mathematics and Philosophy; Bachelor of Science (Honours) in Mathematics and Physics; Bachelor of Science (Honours) in Mathematics and Statistics and Operations Research; u Bachelor of Science (Honours) in Physics and Statistics and Operations Research.
“L-ikbar investiment li nistgħu nagħmlu huwa fl-aqwa riżors li għandu pajjiżna – ir-riżors uman. Dan qed nagħmluh b’mod konkret b’din ir-reviżjoni u li minnha mhux biss se jibbenefika l-istudent, imma l-pajjiż b’mod ġenerali, għaliex qed insaħħu wkoll il-provvista tal-kompetenzi u l-ħiliet meħtieġa tal-ekonomija,” qal il-Ministru Clifton Grima.
Intant, għall-istipendji u għotjiet (grants), l-istudenti jridu japplikaw online u huwa importanti li japplikaw bejn Ottubru u l-aħħar ta’ Diċembru 2024 biex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-istipendju sa’ mill-bidu tas-sena akkademika. Matul is-sena akkademika 2024-25 huwa mistenni li jibbenefikaw minn għotjiet ta’ manteniment ’il fuq minn 16,000 student u studenta.