Tuesday, April 23, 2024

Se tinbena dar ġdida għall-persuni b’diżabilità f’Ħad-Dingli

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli ħabbret li se tinbeda ħidma biex tinbena dar ġdida f’Ħad-Dingli għall-persuni b’diżabilità, liema proġett se tkun responsabbli għalih l-Aġenzija Sapport.

Il-Ministru Farrugia Portelli ħabbret dan meta fil-Parlament kienu qed jiġu diskussi l-estimi finanzjarji tal-budget għall-Ministeru li tiegħu hija responsabbli. Hija bdiet billi qalet li l-budget għas-sena d-dieħla mhux talli hu l-aktar wieħed b’ruħ soċjali, talli hu l-akbar budget li qatt ingħata lis-settur tad-diżabilità. Għas-sena d-dieħla, il-Gvern qiegħed jalloka €50,590,000 għas-settur tad-diżabilità waħdu. 

Hija qalet li l-budget għas-sena d-dieħla hu ta’ €8 miljun iktar meta mqabbel mal-baġit għal din is-sena. “Jekk nagħtu ftit kuntest, dan ifisser li matul is-sena d-dieħla, il-Gvern se jkun qed jinvesti aktar minn €4 miljun kull xahar, fil-persuni b’diżabilità,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Hija qalet ukoll li jeżistu realtajiet fejn hemm ammont ta’ tfal diżabilità taħt il-5 snin qed jistennew biex jibdew jingħataw occupational therapy. Qalet li l-Ministru tal-Finanzi kien ċar meta qal li dan hu budget li jindirizza r-realtajiet li għandna quddiemna.

‘L-interventi minn kmieni huma kritiċi. Ma nistgħux nitilfu żmien prezzjuż għal dawn it-tfal. Għal dan il-għan qed noħolqu din l-iskema ġdida.

“Dan qed isir b’investiment ta’ €1.5 miljun: li bih aktar minn 1,300 tifel u tifla b’diżabilità minn età tat-twelid sa ħames snin u li jeħtieġu s-servizz kliniku ta’ Occupational Therapy se jibdew jirċievu voucher biex it-terapija jibdewha  minn fejn jixtiequ,” żiedet tispjega l-Ministru Farrugia Portelli. 

“Dan l-investiment se jwassal biex tonqos il-lista ta’ stennija tat-tfal li qegħdin jistennew servizz ta’ Occupational Therapy. U s-CDAU jiffoka l-enerġiji tiegħu fuq terapija lil tfal b’diżabbilta’ minn 6 snin ‘l fuq,” tenniet il-Ministru Farrugia Portelli.

Sport