Tuesday, May 14, 2024

Sentejn ħabs sospiżi fuq ħasil ta’ flus

Aqra wkoll

Raġel ta’ 60 sena residenti Birżebbuġa ngħata sentenza sospiża wara li ammetta għal akkużi dwar ħasil ta’ flus, f’każ li jmur lura għal aktar minn 20 sena.

Carmelo Butler kien mixli li nhar il-25 ta’ Jannar 2002 u fix-xhur ta’ qabel, għamel atti ta’ ħasil ta’ flus billi kkonverta jew ittrasferixxa propjetà meta hu kien jaf illi l-istess proprjetà kienet inkisbet minn att ta’ parteċipazzjoni relatati ma’ attività kriminali.

Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ikkunsidrat l-ammissjoni tiegħu, li ma kinitx waħda birkija kif ukoll iċ-ċirkostanzi tal-każ, prinċipalement li l-kontijiet ta’ bintu ntużaw minn martu li kellha prokura bankarja fir-rigward tal-istess, sabiex fihom jiġu depożitati flejjes provenjenti mill-attivitajiet kriminali tal-imputat.

Il-Qorti qieset ukoll il-fedina penali tal-imputat, li skont kif kienet aġġornata fl-2016 kienet tinkludi piena ta’ 22 sena priġunerija effettiva imposta mill-Qorti D’Assise ta’ Sirakuża, fl-Italja, talli għen fi dħul illegali ġewwa l-Italja, minbarra sejbien ta’ ħtija u kundanni dwar fost oħrajn reati kontravvenzjonali.

Il-Qorti tenniet li d-dewmien fil-proċeuuri kien dovut fil-maġġorparti għall-fatt li l-istess l-imputat kien qiegħed jiskonta piena ta’ ħabs ġewwa l-Italja, liema fatt wassal biex is-smigħ tal-kawża jibda fis-sena 2014.

Fl-istess waqt, il-Qorti qieset ukoll li kien hemm ħafna dewmien ieħor f’dawn il-proċeduri, li fil-fehma tagħha, ma kienx dovut għal xi raġunijiet attribwibbli għall-istess imputat.

Kien għal dawn ir-raġunijiet, li filwaqt li sabitu ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, ikkundannatu sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, bil-Qorti twissieh bil-konsegwenzi kemm-il darba huwa jwettaq reat ieħor punibbli bi priġunerija f’dan il-perjodu ta’ sentenza sospiża.

Sport