Raġel ta’ 51 sena residenti l-Imsida ġie kkundannat sentejn u xahrejn ħabs, wara li l-Qorti sabitu ħati fuq serq ta’ flus kontanti.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-każ seħħ f’Marzu li għadda, meta allegatament l-imputat Joseph Pisani seraq flus kontanti minn ħanut tal-logħob fl-Imsida.
Pisani kien akkużat ukoll li waqt l-istess serqa kellu arma falza fuqu u li allegatament ssekwestra impjegata u heddidha. Ingħad li l-imputat ħarab minn fuq il-post u ġie arrestat xi jiem wara.
Quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi, Pisani wieġeb li huwa ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Minbarra s-sentenza ta’ priġunerija, l-imputat ġie ordnat sabiex iħalla €4,700 fi spejjeż tal-Qorti.