Saturday, January 4, 2025

Serie A: Jispikka d-derby bejn Roma u Lazio

Aqra wkoll

Il-programm ta’ tmiem il-ġimgħa tas-Serie A huwa kemmxejn xott hekk kif Inter, Juventus, Milan u Atalanta, jinsabu fl-Arabja Sawdija biex bejniethom ji­lagħbu s-Super Cup Taljan.

Iżda xorta waħda hemm żewġ partiti ta’ attrazzjoni hekk kif Roma jaffrontaw lil Lazio fid-Derby tal-Belt Kapitali filwaqt li Fiorentina jospitaw lil Napoli li jistgħu jaqbżu waħedhom fil- quċċata tal-klassifika. 

Roma v Lazio – Roma u Lazio jilagħbu fid-Derby ta’ Ruma, fi Stadio Olimpico, f’partita bejn żewġ timijiet li s’issa kellhom staġun kuntrastanti.

Lazio jinsabu fir-raba’ post tal-klassifika. S’issa huma kellhom staġun pożittiv għalkemm bi ftit aktar attenzjoni setgħu ġabu aktar punti. 

L-attakkant ta’ Lazio, Va­lentin Castellanos, kien pro­­videnzjali s’issa għal Bian­cocelesti meta skorja seba’ goals staġjonali. 

Lazio jinżlu b’moral għoli kontra r-rivali eterni meta ġejjin minn draw ta’ 1-1 għand Atalanta u kienu biss minuti ‘l bogħod milli jik­sbu t-tliet punti. 

Min-naħa ta’ Roma, dawn qed ikollhom staġun ferm diffiċli. 

Iżda wieħed irid jgħid ukoll li d-draw ta’ 1-1 kontra Milan, fl-aħħar ħarġa tagħhom, taffa xi ftit mid- diżappunti  li kellhom dan l-aħħar, hekk kif jinsabu fl-10 pożizzjoni tal-klassifika. 

S’issa iż-żewġ timijiet lagħbu 160 partita fl-ogħla diviżjoni, bir-rekord ixaq­leb lejn Roma b’57 rebħa filwaqt li Lazio rebħu 42, bil-61 logħbiet l-oħra jintemmu fi draws.  

Barra minn hekk, il-Giallorossi ħadu l-aħbar it-tajba li l-attakkant Arġentin, Paulo Dybala, se jiffirma kuntratt ġdid. 

Huma għandhom lil Bryan Cristante filwaqt li  Lazio se jkunu mingħajr Manuel Lazzari, Pedri u Matias Vecino.

Fiorentina v Napoli – Napoli jmorru jilagħbu għand Fiorentina fejn teżisti possibbiltá li jistgħu jaqbżu waħedhom fil-quċċata tal- klassifika hekk kif Atalanta u Inter jinsabu mpenjati fil-mini-tournament tas-Super Cup Taljana.

Min-naħa tagħhom Fio­rentina jittamaw li jerġgħu jaqbdu d-direzzjoni l-ġusta hekk kif wara tmien rebħiet konsekuttivi, huma sofrew żewġ telfiet u draw, biex fallew tmien punti u nqatgħu xi ftit mill-isfida għar- rebħ tal-kampjonat.

Issa l-Viola jinsabu fil-ħames post, tmien punti taħt il-ko-leaders Atalanta u Napoli iżda jridu jirkupraw partita.   

Bla dubju, din hija partita mill-aktar diffiċli għal Na­poli bil-pressjoni fuq­hom dejjem tiżdied min­ħabba li ma jistgħux jwaq­qgħu punti jekk iridu jib­­qgħu fit-taqtiegħa. 

Huma ġejjin minn rebħa diffiċli ta’ 1-0 fuq Venezia fejn kellhom jitħabtu filwaqt li Romelu Lukaku falla penalty. Iżda f’dan il-perjodu jimporta biss li tikseb it-tliet punti anke jekk til­għab ħażin.

Fiorentina ma jistgħux jinkludu lil Cristiano Biraghi u lil Edoardo Bove filwaqt li Alessandro Buongiorno huwa nieqes għal Napoli.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport