It-terminu INKLUŻJONI huwa wieħed vast. Japplika għal ħafna faxex tal-ħajja. Ma japplikax biss fuq bażi ta’ ġeneru jew ta’ eliġibilità u aċċess għad-dinja tax-xogħol. Forsi, u bir-raġun, narawh japplika aktar għal persuni li jistgħu jkollhom ċirkostanza, kundizzjoni, li għalihom toħloq forma ta’ żvantaġġ fl-avvanz tagħhom, f’mixjiethom fil-ħajja ta’ kuljum. Żvantaġġ li m’għandu jkun qatt u li dejjem nisħqu li għandu jkun hemm kull għajnuna biex tali żvantaġġ ikun kumbattut.
F’ċirkostanzi bħal dawn l-esperjenza wrietna li t-twettiq fil-prattika tat-terminu INKLUŻJONI jibda minn komunikazzjoni aċċessibbli u minn professjonisti mħarrġa biex jifhmu u jirrispondu għall-bżonnijiet ta’ kull individwu. L-INKLUŻJONI vera ma tfissirx biss li noffru servizz, iżda tfisser li rridu niżguraw li tali servizz ikun aċċessibbli. Għal dan il-għan irridu niżguraw li l-persuna konċernata u li għaliha jkun immirat tali servizz, tkun tista’ tikkomunika, tipparteċipa u tħossha parti mis-soċjetà. Tħossha INKLUŻA. Tħossha li hi bħal u daqs ħaddieħor minkejja ċ-ċirkostanza li tkun b’xi mod qegħda tiżvantaġġjaha.
Ċirkostanza partikolari li toħloq tali żvantaġġ hija n-nuqqas ta’ smigħ. Permezz ta’ investiment fit-taħriġ ta’ professjonisti u fis-servizzi speċjalizzati, qegħdin nibnu sistema aktar sensittiva, aktar aċċessibbli u aktar qrib il-persuni neqsin mis-smigħ u l-familji tagħhom.
Lejn l-aħħar tas-sena 2024 konna stabbilejna d-‘Deaf & Hard of Hearing Unit’, u li attwalment beda jaħdem matul is-sena li għaddiet, bħala parti minn Aġenzija Sapport fi ħdan il-Ministeru tagħna. Għamilna dan bil-għan li nipprovdu appoġġ u gwida lil persuni neqsin mis-smigħ u lil qrabathom. Fl-istess ħin nippromwovu l-użu tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija. Is-servizz joffri sessjonijiet ta’ għarfien, interventi individwali u żjarat fid-djar ta’ persuni neqsin mis-smigħ imfassla skont il-bżonnijiet tal-persuna konċernata u tal-familja tagħha, sabiex b’hekk jiżdiedu l-aċċessibilità u l-inklużjoni.
Riċentement kelli l-opportunità insegwi sessjoni ta’ taħriġ li din il-Unit kienet qed tagħti lil professjonisti minn Aġenzija Sapport dwar il-lingwa tas-sinjali u l-kultura tal-persuni neqsin mis-smigħ. Taħriġ bħala parti mill-isforz kontinwu sabiex jissaħħu s-servizzi ta’ inklużjoni u jittejjeb l-aċċess għall-komunikazzjoni u b’hekk ikun hemm aktar tgawdija minn dan il-benefiċċju.
Matul din is-sessjoni ta’ taħriġ il-parteċipanti, li kienu jvarjaw minn social workers, u occupational therapists, għal membri tal-maniġment, ingħataw għarfien dwar kliem bażiku bil-lingwa tas-sinjali Maltija. Taħriġ dwar kif jikkomunikaw b’mod aktar effettiv ma’ persuni neqsin mis-smigħ u kif jistgħu jippromwovu ambjent aktar inklussiv kemm fis-servizzi professjonali kif ukoll fil-komunità. Tul is-sessjoni l-element prattiku kien rifless f’introduzzjoni ta’ termini bażiċi bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija.
It-twaqqif tad-‘Deaf & Hard of Hearing Unit’ diġà qed iħalli impatt. Matul is-sena li għaddiet ingħata servizz ta’ appoġġ lil 44 persuna neqsin mis-smigħ. Matul din is-sena, s’issa, diġà saru sessjonijiet individwali u żjarat fi djar ma’ studenti neqsin mis-smigħ filwaqt li saru tmien sessjonijiet ta’ taħriġ lil professjonisti ta’ Aġenzija Sapport. Sadattant għaddejjin sessjonijiet għal studenti neqsin mis-smigħ u l-familji tagħhom b’kollaborazzjoni mat-tim tal-interpreti. Barra minn hekk hemm ippjanat biex fix-xhur li ġejjin jinbeda proġett ta’ clips qosra onlajn fuq livell nazzjonali.
Ninsabu fil-proċess fejn Aġenzija Sapport qed tkompli tiżviluppa mudell ta’ servizzi integrati li jtejjeb l-aċċess għall-komunikazzjoni u jsaħħaħ l-inklużjoni għal persuni b’diżabilità filwaqt li jingħata sostenn lil qrabathom u lill-professjonisti li jaħdmu magħhom.
Għandna r-rieda, id-determinazzjoni u l-impenn li ma nħallu lil ħadd milli mhux biss jaqa’ lura imma lanqas iħossu li jista’ jiġrilu hekk. Irridu b’kull mezz possibbli nkomplu inrawwmu u nsaħħu l-fiduċja tal-persuna fiha nnifisha, hi x’inhi u tkun xi tkun iċ-ċirkostanza li b’xi mod tista’ tkun qed titqies bħala xi forma ta’ żvantaġġ. Fiduċja li rridu nkattruha wkoll fil-qraba immedjati tal-persuna konċernata.
B’hekk inkunu qegħdin negħlbu tragward fil-ħajja tal-persuna b’xi forma ta’ diżabilità.
