Tuesday, March 26, 2024

Sitt irġiel akkużati li serqu minn maħżen fl-Imrieħel

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Sitt irġiel, li l-età tagħhom tvarja bejn 21 u 37 sena, tressqu l-Qorti aktar kmieni dalgħodu akkużati b’involviment f’serq minn maħżen fl-Imrieħel.

Fil-Qorti nstema’ kif il-każ imur lura għall-15 ta’ Ottubru li għadda meta l-akkużati li huma Carlos Pace, James Azzopardi, Leon Calleja, Daniel Vella, Jonathan Degorgio u John Mark Mercieca ġew akkużati li matul l-istess lejl serqu sigaretti u oġġetti oħra mill-maħżen fl-Imrieħel. L-akkużati ġew identifikati minn filmati tal-kameras tas-sigurtà, kif ukoll għax kien hemm kooperazzjoni minn wħud mill-akkużati.

Carlos Pace u Daniel Vella ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom. Dan hekk kif id-difiża laħqet ftehim mal-akkużati li jekk jammettu s-sentenza tal-ħabs tkun sospiża.Min-naħa tagħha l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ħadet id-deċiżjoni li s-sentenza se tingħata quddiemhom il-ġimgħa d-dieħla.

Dan filwaqt li fil-Qorti, l-erba’ akkużati l-oħra wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom. Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest għal Jonathan Degorgio iżda t-talba tal-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda. Saret talba sabiex John Mark Mercieca jingħata l-ħelsien mill-arrest u t-talba ġiet milquha bil-patt u l-kundizzjoni li Mercieca jiffirma darbtejn fil-ġimgħa fl-għassa tal-Pulizija.

Leon Calleja ingħata wkoll l-ħelsien mill-arrest, bil-patt u l-kundizzjoni li bħal Mercieca jiffirma darbtejn fil-ġimgħa fl-għassa tal-Pulizija. Is-sitt akkużat, James Azzopardi ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest u għalhekk baqa’ arrestat.

Ekonomija

Sport