Wednesday, March 27, 2024

Skart agrikolu mibdul f’kompost għall-bdiewa

Aqra wkoll

Skart agrikolu bħal fdalijiet tal-ħaxix u frott u friegħi tas-siġar se jkun qed jiġi pproċessat mill-WasteServ sabiex jinbidel f’kompost ta’ kwalità, għall-użu tal-bdiewa fl-għelieqi tagħhom.

Dan tħabbar mill-Ministri Miriam Dalli u Anton Refalo, waqt żjara li għamlu fiċ-Ċentru għall-Iskart Goff f’Ta’ Qali. Huma kienu akkumpanjati mill-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Maltija għall-Ikel, Brian Vella.

Permezz ta’ composter, skart agrikolu mingħand il-bdiewa u mill-Pitkalija se jkun qed jiġi pproċessat. Dan il-makkinarju b’kapaċità ta’ 15-il tunnellata se jkun qed jipproduċi madwar tmien tunnellati ta’ kompost f’kull ċiklu, li jieħu madwar ġimagħtejn. Għalhekk, f’mudell ta’ ekonomija ċirkulari, ir-riżorsa tal-iskart mibdula f’kompost ta’ kwalità se tkun qed terġa’ lura għand il-bdiewa. Dan anke wara ftehim li sar bejn WasteServ u l-Aġenzija Maltija għall-Ikel. L-Aġenzija se tkun qed tqassam dan il-kompost lill-bdiewa mill-Pitkalija mingħajr ħlas.

“Illum qed naraw b’mod tanġibbli kif l-ekonomija ċirkulari tista’ tiġi applikata f’setturi differenti, f’dan il-każ għall-użu agrikolu. Din hija t-tip ta’ ħidma sostenibbli li rridu nkomplu nimbuttaw sabiex pajjiżna verament ikompli jimplimenta l-prinċipji tal-ekonomija ċirkulari, innaqqsu l-ħela u nagħrfu l-valur tal-iskart,” qalet il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli.

Hija fakkret kif il-WasteServ qiegħda wkoll tinvesti f’impjant biex l-iskart organiku jservi bħala sors ta’ enerġija. Dan permezz tal-ipproċessar ta’ skart organiku – mas-70,000 tunnellata – li se jkun qed jiddawwar f’kompost u enerġija.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo nnota kif dan il-ftehim huwa kruċjali ferm għaż-żamma tar-raba’ u l-kultivazzjoni ta’ ħxejjex u frott. Dan jista’ jkun possibbli permezz ta’ proċess li jara li l-kompost jitqassam għand il-bdiewa tagħna, u li eventwalment iwassal għall-ikel ta’ kwalità fuq l-imwejjed tal-familji Maltin u Għawdxin.

“Illum qed nerġgħu naraw li l-Gvern qiegħed iżomm kelmtu ma’ għexieren ta’ bdiewa u raħħala Maltin u Għawdxin f’ħidmithom u fl-istess ħin qed naraw il-frott li qed tħalli l-Aġenzija Maltija għall-Ikel li l-għan tagħha kien li tieħu ħsieb il-proċess ħolistiku tal-prodott lokali mill-produzzjoni sa kemm dan jasal għand il-konsumatur,” spjega l-Ministru Refalo.

Ekonomija

Sport