Wednesday, November 20, 2024

Skema ta’ €5.1 miljun minn fondi Ewropej għall-bdiewa u għar-raħħala żgħażagħ

Aqra wkoll

Bdiewa u raħħala żgħażagħ ser ikunu jistgħu jibbenifikaw minn €5.1 miljun ta’ fondi Ewropej sabiex jimirħu fis-settur agrikolu u jinvestu f’teknoloġija moderna. Ħabbru dan il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett waqt żjara f’razzett immexxi minn żagħżugħa ta’ 25 sena li riċentament irċeviet din l-għajnuna sabiex tibda tipproduċi prodotti tal-ħalib.

Dawk eliġibbli jistgħu jibbenefikaw minn massimu ta’ €100,000, sabiex iwettqu pjan ta’ negozju li jwassal għall-istabbiliment tan-negozju tagħhom fl-agrikoltura. Dan il-fond żdied bi €30,000 mill-iskema preċedenti.

Il-Ministru Anton Refalo spjega, “Din l-iskema hija maħsuba għall-bdiewa żgħażagħ tagħna li tant għandhom bżonn għajnuna u appoġġ sabiex jegħlbu l-ostakli li jiffaċċjaw sabiex jistabbilixxu ruħhom fis-settur agrikolu. Iż-żgħażagħ huma essenzjali għas-sostenibbiltà ta’ settur li għandu bżonn rinnovazzjoni sabiex ikompli jiffunzjona u jissaħħaħ fis-snin li ġejjin.”

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett spjega kif bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej flimkien mas-sussidji tal-gvern, ser inkunu qed nerġgħu nagħtu l-ħajja lis-settur agrikolu billi nappoġġjaw lill-bdiewa żgħażagħ filwaqt li nissalvagwardjaw il-provvista tal-ikel f’pajjiżna.

“Dan il-gvern huwa kommess li jibqa’ jindirizza r-realtajiet li jiltaqa’ magħhom kull individwu f’kull settur ta’ pajjiżna filwaqt li jaħseb għall-ħaddiema ta’ għada, bħalma huma l-bdiewa u r-raħħala żgħażagħ tagħna, sabiex verament ikollna Malta Ġusta għall-ġid tal-komunità,” tenna Dr Bonett.

Dawk eliġibbli huma mħeġġa jagħmlu kuntatt mal-Awtorità ta’ Ġestjoni jew mal-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA) għal aktar gwida, biex b’hekk ikunu jistgħu jikkonfermaw l-eliġibbiltà tagħkom u jħejju l-applikazzjoni tagħhom biex japplikaw fl-aħħar ta’ Novembru.

Sport