Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump u martu Melania kellhom jiġu evakwati mill-ikla tal-Assoċjazzjoni tal-Korrispondenti tal-White House wara li raġel fetaħ in-nar f’żona fejn kienu qed isiru kontrolli tas-sigurtà.
Rapporti fil-midja internazzjonali qalu li s-suspettat spara lejn aġent tas-Servizzi Sigrieti iżda kien arrestat. Il-każ seħħ tard is-Sibt filgħaxija, bl-arma li allegatament intużat kienet “shotgun”.
Trump qal li l-uffiċjal li safa ferut f’dan l-inċident kien protett b’“bulletproof vest” u kien jinsab f’kundizzjoni tajba. Intant, l-uffiċjali qalu li s-suspettat jidher li kien qed jaġixxi waħdu u kellu fuqu wkoll pistola u diversi skieken.
L-avveniment, li għalih attendew madwar 2,600 persuna, kellu jiġi kkanċellat.
L-aggressur mistenni jiġi akkużat bl-użu ta’ arma tan-nar waqt reat ta’ vjolenza u b’aggressjoni fuq uffiċjal federali. “Huwa ċar, minn dak li nafu s’issa, li dan il-persuna kellu l-intenzjoni li jagħmel kemm jista’ jkun ħsara,” qalet Jeanine Pirro, il-Prosekutur tal-Istati Uniti għad-Distrett ta’ Columbia.
“U b’xorti tajba minħabba l-punt ta’ kontroll li kien eżatt barra s-sala fejn eluf ta’ nies kienu miġbura biex jisimgħu lill-President tal-Istati Uniti, minħabba li dak il-punt ta’ kontroll ħadem, ma kien hemm ħadd li weġġa’.”
Hija kkonfermat ukoll li l-aġent tas-Servizzi Sigrieti li ntlaqat f’dan l-inċident kien jinsab f’kundizzjoni tajba. Qalet li l-mottiv wara dan l-attakk għadu mhux ċar.


