Din il-ġimgħa l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, nieda politika ġdida li permezz tagħha qed tkompli t-trasformazzjoni tas-settur edukattiv. Il-Politika Nazzjonali dwar il-Homework.
Nemmnu li kull min għandu għal qalbu l-benesseri ta’ uliedu, u hawnhekk ninkludu l-edukaturi u wkoll il-ġenituri u l-kustodji tal-istudenti, żgur li jafu li kien hemm bżonn bilanċ bejn il-kompiti li jingħataw lill-istudenti u l-benesseri tagħhom. Din hija diskussjoni li ilha għaddejja fil-pajjiż.
Nafu wkoll li s-settur edukattiv b’mod globali huwa settur li jevolvi u jiżviluppa biex jaddatta maż-żmien. Anki f’Malta dan is-settur qed narawh ikompli jiżviluppa b’mod dinamiku biex iwieġeb għall-ħtiġijiet kemm tal-istudenti, imma wkoll, għaliex importanti ferm, għall-aspirazzjonijiet tas-soċjetà tagħna.
Għalhekk qed naraw li bħalissa hemm konsultazzjoni pubblika dwar il-ħiliet f’Malta. Il-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet, fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, ukoll b’konsultazzjoni, ħejja politika għal dan il-għan, li bħalissa tinsab għand il-pubbliku b’mod ġenerali, għall-kummenti tiegħu. Wara din issir ukoll Politika Nazzjonali.
Konsultazzjoni oħra ma’ dawk kollha li huma involuti fosthom, edukaturi, l-istudenti nfushom, l-imsieħba soċjali saret biex titfassal din il-Politika Nazzjonali dwar il-Homework. Hawnhekk ma nistgħux nifhmu għalhekk, kritika li saret mill-Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni li qal li din il-politika hija indħil politiku. Ma naqblux lanqas dak li qal Justin Schembri, li din hija politika superfiċjali, u pponta subajh għal min għamilha. Kif intqal mill-Ministeru, din hija politika li saret u tfasslet minn dawk li b’impenn u sagrifiċċji, jkunu mat-tfal ta’ pajjiżna fl-iskejjel.
Kif ġiet spjegata b’mod ċar, din m’hix politika li tipprova tnaqqas l-awtonomija professjonali tal-għalliema. Bil-maqlub qed tkun apprezzata l-professjonalità tal-edukaturi, li qed ikunu fdati fil-ġudizzju tagħhom fil-kalibrazzjoni tal-kompiti skont l-età, il-livell, il-kuntest tal-klassi u l-ħtiġijiet tal-istudenti. Din il-politika għalhekk ma tissostitwixxi bl-ebda mod dan il-ġudizzju professjonali, u lanqas ma tipproponi mentalità ta’ one size fits all. Fil-fatt, tenfasizza b’mod ċar il-flessibilità, id-diversità tal-kompiti, id-differenzjazzjoni u l-bżonn lil-homework ikun adattat għar-realtà differenti tal-istudenti. Dan huwa eżattament il-kontra ta’ approċċ uniformi u riġidu.
‘L hinn mill-kritika politika, pajjiżna qed ikompli għaddej’l quddiem bir-riformi stabbiliti fil-Viżjoni Malta 2050. Abbinata ma din il-viżjoni, fis-settur edukattiv hemm l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024–2030, bit-tnejn li huma juru kif huwa essenzjali li kull aspett tal-esperjenza tat-tagħlim jirrifletti l-impenn għall-kwalità, l-inklużjoni u l-benesseri. Nemmnu li l-Politika Nazzjonali dwar il-Homework tirrappreżenta pass importanti f’din id-direzzjoni.
Qrajna d-dokument u nagħrfu li kif intqal, ir-riċerka u l-esperjenza wrew li l-valur tal-homework ma jinsabx fil-kwantità tax-xogħol mogħti, iżda fil-kwalità u fl-iskop tiegħu. Ma jagħmilx sens li l-istudenti jingħataw volum ta’ kompiti li iktar milli jiswew biex jiksbu l-għarfien, jiswew biex iktar jinnervjaw lill-istudenti minħabba r-ripetizzjoni u l-kwalità.
Din il-politika għandha l-għan li tittrasforma l-homework minn kompitu ta’ rutina f’estensjoni sinifikanti tat-tagħlim fil-klassi għal waħda li tappoġġja l-kurżità, issaħħaħ il-fehim, u tħeġġeġ lill-istudenti jieħdu aktar responsabbiltà fil-vjaġġ tagħhom ta’ tagħlim. Il-politika tintroduċi wkoll qafas ċar u xieraq għall-iżvilupp tal-homework f’livelli edukattivi differenti, mill-ewwel snin, sal-edukazzjoni sekondarja.
Politika li qed tallinija mal-bżonnijiet ta’ żvilupp tal-istudenti u billi tippromwovi forom varji ta’ homework: bħall-prattika, l-esplorazzjoni, l-applikazzjoni u l-integrazzjoni. Politika li tiżgura li t-tagħlim lil hinn mill-klassi jibqa’ wkoll eċitanti, rilevanti imma wkoll ġust għal kulħadd.
Naqblu li l-istudju u t-taħriġ huwa ferm importanti, imma naqblu wkoll li f’dinja mgħaġġla bħal ma qed ngħixu fiha, l-ħin għall-mistrieħ, għall-ħajja mal-familja, għall-kreattività, għall-isport u għall-involviment fil-komunità huwa essenzjali għall-iżvilupp b’saħħtu u għall-benesseri mhux biss tal-istudenti, imma wkoll tal-poplu kollu.
Għalhekk, kultura bilanċjata tal-homework trid tappoġġja t-tagħlim filwaqt li tħares dawn id-dimensjonijiet importanti tat-tfulija u l-adoloxxenza.


