Sunday, April 26, 2026

Għalfejn niċċelebraw Jum il-Ħaddiem?

Aqra wkoll

Erbat ijiem oħra ser ningħaqdu ilkoll flimkien fi pjazza Kastilja biex niċċelebraw Jum il-Ħaddiem. Din is-sena din iċ-ċelebrazzjoni forsi għandha dimensjoni akbar għaliex ninsabu fl-ahhar sena tal-legizlatura. 

F’ħafna pajjiżi madwar l-Ewropa u lill’hinn, Jum il-Ħaddiem spiċċa jkun jum ta’ protesti minħabba li d-drittijiet tal-ħaddiema qabdu t-triq tan-niżla, l-aktar f’pajjiżi fejn hemm gvernijiet konservattivi tal-lemin.

F’Malta għandha realtà differenti. Realtà ta’ ħaddiema li sabu t-tarka ta’ gvern Laburista li huwa l-aqwa garanzija, mhux biss għal ħarsien tal-kisbiet li għamlu matul is-snin iżda wkoll għat-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. 

Serħan il-moħħ bi gvern Laburista

Gvern Laburista li ta serħan il-moħħ lil familji tagħna, anke fl-agħar kriżijiet bħal ma kienu l-pandemija tal-Covid u l-problemi ġeo-politiċi li ġabu l-gwerer tal-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani.

Dan mhux ftaħir fil-vojt. Fl-aħħar erba’ snin saru għadd rekord ta’ ftehimiet kollettivi mill-aktar vantaġġużi għal ħaddiem f’kull settur, saħansitra għal ħaddiema fil-korpi dixxiplinati li sal-2013, kellhom id-drittijiet trejd unjonistiċi tagħhom imrażżna. 

Il-gvern Laburista ma kienx hemm biss għal ħaddiema tal-korpi dixxiplinati. Il-ħaddiema kollha u l-familji tagħhom imxew l’quddiem għaliex gvern laburista kien il-katalista biex sena wara sena, kabbar l-ekonomija b’mod qawwi. 

Dan sar fost oħrajn għaliex il-gvern Laburista mhux biss raħħas b’25% fil-mija tal-kontijiet tal-enerġija u anke fl-agħar kriżijiet tal-enerġija kompla jagħti l-garanzija li iżomm dawn il-prezzijiet inkluż tal-petrol u d-diesel stabbli u llum huma l-orħos fl-Ewropa.

Il-ħaddiema prijorità għal gvern

Bit-tisħiħ tal-ekonomija, l-gvern laburista mhux biss xejjen l-pjaga tal-qagħad, iżda saħħaħ il-finanzi tal-gvern u qassam il-ġid bl-akbar tnaqqis fit-taxxa tad-dħul u b’għajnuniet soċjali bla preċedenti, fosthom żidiet fil-pensjonijiet u bic-child care b’xejn. Fl-istess waqt ta lura l-festi pubbliċi li kienu insterqu lil ħaddiema mill-gvern nazzjonalista u żied il-ġranet tal-leave għal diversi sitwazzjonijiet familjari.

Il-klassi tal-ħaddiema ma tista’ qatt tinsa dawn il-kisbiet u ħafna oħrajn li saru bis-saħħa ta’ gvern immexxi mill-partit tal-ħaddiem. 

Filwaqt li ma tistax tinsa dawn il-benefiċċji, meta jasal il-mument li tagħmel l-għażla bil-vot tagħha, trid tiżen u tirrifletti u ma tħallix li tkun ingannat b’wegħdi aktar u aktar minn partit li għandu l-fama li iwiegħed ħafna iżda jispiċċa ma jwettaq kważi xejn milli jwiegħed.

Għal PN is-suq isuq

Nieħdu s-sussidji tal-enerġija. Kif tista’ temmen li l-partit nazzjonalista li propju issa qiegħed jgħid li ser ikompli b’dawn is-sussidji meta sa ftit xhur u ġimgħat ilu, kellna dikjarazzjonijiet ċari mill-għoli esponenti tal-oppożizzjoni li s-sussidji mhumiex sostenibbli. 

Kif tista’ tieħu lil PN bis-serjetà meta dan huwa l-partit li jemmen li s-suq isuq. 

Kif nistgħu ninsew li l-aħħar gvern nazzjonalista sallab lil kulħadd bil-kontijiet għoljin tal-enerġija u li l-prezzijiet kienu jiġi jogħlew fis-surcharge, il-petrol u d-diesel kull xahar, u l-kontijiet tad-dawl kull xagħrejn.

Il-kutrumbajsa politika li l-partit nazzjonalista qiegħed jagħmel issa fuq is-sussidju qed issir għal konvenjenza politika. 

L-intenzjoni vera tal-partit nazzjonalista, anke jekk din qiegħed tinħeba, hija li s-suq isuq  tant li jridu jdaħħlu operaturi privati fid-distribuzzjoni tal-enerġija.  

Il-mudell ekonomiku 

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana magħruf għal kompetenza professjonali tiegħu,  ta rendikont tal-miri finanzjarji tal-gvern li saħansitra intlaħqu qabel kien previst. 

Ħadd u ħadd ma jista’ jmeri s-sewwa magħruf. Il-qagħda finanzjarja tal-gvern u l-ekonomija tal-pajjiż huma l-aqwa prova tal-kompetenza tal-gvern li ħaddem mudell ekonomika li qiegħed jagħti dawn ir-riżultati tajbin.

Id-diska imżarżra tal-oppożizzjoni dwar li jrid bidla fil-mudell ekonomika bil-kemm għadha tindaqq għaliex ma jbiddel sistema li qegħda tagħti riżultati tajbin. M’għadhomx isemmu spiss li iridu ibiddlu l-mudell ekonomiku għaliex fil-verità m’hemmx mudell ieħor. Kull meta ġew mistoqsija jispjegaw il-mudell tagħhom, ħarbu milli jagħtu tweġibiet konvinċenti. 

Gvern laburista jibqa’ jaġġusta l-mudell ekonomika biex jinkisbu aktar riżultati tajbin għal pajjiż,  u mhux ser joqgħod fuq il-pariri ta’ oppożizzjoni mifxula, waqt li jissokta bil-mixja tiegħu mal-poplu biex niktbu l-kapitlu li jmiss għal Malta Aqwa.

Il-polz tal-poplu

Dan il-kapitlu ma jistax jinkiteb mill-partit nazzjonalista għaliex kif qalli kostitwent, fl-aħħar 13-il sena, l-partit nazzjonalista biddel ħames kapijiet, iżda mhux kapaċi juri bil-provi li huwa gvern alternattivi biex ibiddel il-fehma tal-poplu.

Mil-laqgħat li qed ikolli  mal-kostitwenti tad-9 u tal-10 distrett inħoss is-sentiment pożittiv u s-serħan il-moħħ tagħhom, anke jekk huwa naturali li jgħidulek ix-xewqat tagħhom għal Malta aqwa u aħjar. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport