Tuesday, April 16, 2024

Spiċċa diżabbli, imma se jkollu jħallas manteniment ta’ €200 fix-xahar

Għandu pensjoni ta’ invalidità ta’ €533 fix-xahar, se jibqagħlu €11 kuljum biex jgħix

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Missier bi storja ta’ 20 sena dipressjoni. B’uġiegħ kbit f’ġenbejh iddaħħal l-isptar u għamel żmien dieħel u ħiereġ b’ħafna testijiet. Ma setgħux isibu eżatt minn xhiex kien qed ibati. Wara kważi erba’ snin indunaw li kien qed ibati minn ‘spectru inguinal hernia’.

Daħal għal operazzjoni u xi ħaġa marret ħażin u baqa’ ibati b’kumplikazzjonijiet sa llum. Stabbilixxew ukoll li kellu ‘nerve intrapment’.

Spiċċa b’diżabilità fiżika li jinsab fiha hi li ‘inter alia’ ma jistax jimxi ħlief għal distanza qasira bil-krozzi, ma jistax jibqa’ għal ħin twil bilwieqfa, isuq biss għal distanza qasira, ma jistax jerfa’ u jqandel slielem. Dan wassal biex hu ġie dikjarat bħala persuna diżabbli u ingħata l-pensjoni tal-invalidità għax ma jistax jaħdem fl-ebda xogħol. Dan bi dħul ta’ €533 fix-xahar. Hu se jeun qed iħallas manteniment ta’ €200 fix-xahar, u li jfisser li se jolly €333 fix-xahar għad-dispożizzjoni tiegħu jew ftit aktar minn €11 kuljum.

Il-missier fil-Qorti spjega li minn relazzjoni li kellu mal-mara kienu twieldu żewġt itfal. Madanakollu meta r-relazzjoni ta’ bejn il-partijiet intemmet, huma stess iddeċidew li jirregolaw il- kwistjonijiet ta’ bejniethom u hu stess kien obbliga ruħu li jħallas is-somma ta’ €50 fil-ġimgħa għal kull wild bħala manteniment. Il-missier jispjega li huwa għamel dan il- ftehim għax kellu negozju tal-kafe, fejn kien isewwi l-magni tal-kafe, jixtri u jbiegħ il-kafe u prodotti relatati, minn liema negozju ir-raġel jgħid li kellu introjtu ta’ €1,000 fix-xahar.

Il-missier jgħid li “f’Lulju tas-sena 2011 kien qabdu uġigħ kbir f’ġenbu tan-naħa tal-lemin u daħal b’emerġenza l-isptar Mater Dei, fejn għamel sitt ijiem taħt l-osservazzjoni. Minn dakinhar ‘il quddiem jgħid li baqa’ dejjem bl-uġigħ, dieħel u ħiereġ l-isptar, jieħu regolarment ‘pain killers’, u minkejja li għamel ħafna testijiet ma kienux sabu eżatt minn xiex kien qed ibati. Kien proprju fi Frar tas-sena 2015 li bis-saħħa ta’ professur partiklari skopra li kien qed ibati minn ‘spectru inguinal hernia’.

Għalhekk daħal għal operazzjoni l-isptar Mater Dei u sfortunatament xi ħaġa marret ħażin, tant li jisħaq li għadu għaddej bil-kumplikazzjonijiet sal-preżent hekk kif dejjem ikun muġugħ. Kien ukoll taħt l-osservazzjoni u jaħsbu li hu għandu nerve intrapment, għal liema kundizzjoni tista’ ssir operazzjoni li tista’ dgħajjfu, anke’ jekk tali operazzjoni ma hix garantita li ssolvi l-uġigħ. Jiddikjara li offrut ‘block nerve’ li tikkonsisti injezzjoni kull sitt xhur li taġixxi bħala pain killer billi traqqadlu n-nervaturi.

Lejn nofs is-sena 2016 hu kien ġie rikonoxxut bħala persuna b’diżabilità fiżika mill-Jobsplus u ġie rikonoxxut ukoll bħala bniedem diżabbli mill-Kummissjoni Nazzjonai Persuni b’Diżabilità. Huwa jispjega li d-diżabilità fiżika li jinsab fiha hi li ‘inter alia’ ma jistax jimxi ħlief għal distanza qasira bil-krozzi, ma jistax jibqa’ għal ħin twil bilwieqfa, isuq biss għal distanza qasira, ma jistax jerfa’ u jqandel slielem.

Saħħtu marret lura ħafna, tant li sussegwentament ukoll beda jbati minn dipressjoni u ansjetà, tant li jagħmel ħafna ħin mistrieħ u mimdud. Jgħid li sab għajnuna minn martu li tgħinu fil-ħajja ta’ kuljum, imma kellu ukoll iċedi n-negozju tiegħu fis-sena 2012 bla qligħ għax kellu jħallas id-dejn li kellu.

Jgħid li dak iż-żmien xorta waħda baqa’ jagħti l-manteniment lill-uliedu u dan għax kellu xi ħaġa tal-flus imfaddla filwaqt li kien anke sellfu xi flus missieru tant li llum għandu dejn ta’ €7,000 ma’ missieru stess. Jiġi spjegat li llum il-ġurnata jsibha diffiċli sabiex iħallas il-manteniment kif miftiehem hekk kif huwa ma għandu xejn imfaddal, missieru ma jistax jisilfu iktar flus, u huwa ma għandu l-ebda introjtu hekk kif ħadem l-aħħar darba mill-1 ta’ Ġunju 2016 sas-27 ta’ Marzu 2017. Jiddikjara li la għndu proprjetà u lanqas flus tant li hu u martu qed jgħixu ma’ missieru.

Il-psikjatra Dr Joseph Spiteri f’xhieda fil-Qorti ikkonferma li l-missier ibati minn dipressjoni u sintomi psikosomatiċi li qed jaffetwawlu l-mixi tegħu. Magħdud ma’ dan għandu ukoll sintomi ta’ entrapment li tfisser qarsa fin-nerv bħala kumplikazzjoni minn operazzjoni tal-ftuq. Din tal-aħħar flimkien mas-sintomi psikopsomatiċi qed jagħmluh fi stat ta’ diżabilita’ għax ma jistax jimxi.

Jikkonferma li mhux kapaċi għal ‘gainful employment’. Jgħid li l-missier għandu għoxrin sena ta’ storja ta’ dipressjoni, li bħalissa hija kronika tant li t-trattament li qed jieħu bħalissa mhux qed tgħinu. Jgħid li l-missier ma jistax jaħdem għal kwalunkwe xogħol u dan minħabba d-dipressjoni u mhux is-sieq.

Il-Qorti iddikjarat li jirriżulta li wara ċertu żmien mill-iffirmar tal-kuntratt rigward ulied il-partijiet, seħħ tibdil drastiku f’saħħet il-missier u dan it-tibdil seħħ ukoll fil-pożizzjoni finanzjarja tiegħu. Il-Qorti tgħid li “li meta ġie ffirmat il-kuntratt, il-missier diġa’ kien ibati minn problemi ta’ saħħa mentali.

Wara l-iffirmar tal-kuntratt, żviluppaw problemi ulterjuri lill-missier, wara l-operazzjoni li seħħet fis-27 ta’ Marzu tas-sena 2015 jingħad illi l-missier beda jbati minn “nerve entrapment syndrome”, liema kundizzjoni tikkawża uġigħ konsistenti.

Minħabba tali kundizzjonijiet, kemm psikoloġiċi kif ukoll fiżiċi, il-missier ġie klassifikat mit-tobba u professuri li jsegwuh, bħala persuna li mhux f’pożizzjoni li jaħdem. Hu ġie ukoll imniżżel fir-reġistru tal-persuni b’diżabilità.

Ħadem l-aħħar f’Mejju tas-sena 2016, u ġie klassifikat li ma jistax jaħdem minn bord mediku kif kompost mill-Att dwar is-Sigurtà Soċjali tant li abbażi d-deċiżjoni tal- istess bord, il-missier beda jipperċepixxi l-pensjoni tal-invalidità sa mill-5 ta’ Mejju tas-sena 2018.

Il-Qorti iddikjarat li tali provi manifestament jistabbilixxu illi l-attur mhux sempliċiment jinsab fid-diffikulta li jħallas il-manteniment kif miftiehem, jiġifieri €50 kull ġimgħa għal kull wild li jammontaw għal €200 kull erba’ ġimgħat, iżda fl-impossibilità li dan jagħmlu, hekk kif iċ-ċirkostanzi ta’ mard tal-missier li seħħew wara l-iffirmar tal-kuntratt flimkien mal-problemi ta’ saħħa mentali li diġa’ kellu, jistgħu jiġu definiti bħala gravi, eċċezzjonali, u indipendenti mill- volontà tiegħu stess, li kkaġġunaw l-impossibilità fis-sens reali, estrem u inevitabbli li ma ġewx provokati b’xi aġir tal-misiser innifsu. Ma hemm l-ebda dubju li l-introjtu tal-persuna naqas drastikament, hekk kif fil-preżent hu qed jgħix b’introjtu ta’ €533.16 kull erba’ ġimgħat.

Il-Qorti tgħid li kwalunkwe forma ta’ dubju li seta’ kien hemm dwar xi intenzjoni kapriċċuża biex ma jaħdimx, hi eliminata. Quddiem dan il-Qorti qalet li għandu jkun hemm tnaqqis fil-manteniment, u ddeċidiet li dan għandu jkun ta’ €25 fil-ġimgħa għal kull wild, liema somma tinkludi sehmu għal spejjeż relatati mas-saħħa u edukazzjoni.

Ekonomija

Sport