Starlites JSD huma ċ-Champions tal-Kampjonat BOV tal-Basketball għat-tielet sena konsekuttiva.
It-tim immexxi minn Paul Ferrante għelbu lil Mellieħa Libertas 3-0 fil-finali tal-playoff tal-aħjar minn 5 logħbiet biex żammew it-titlu. L-ewwel logħba rat lil Mellieħa jieħdu l-inizjattiva u jgawdu minn vantaġġ qawwi tul il-logħba kollha bi Starlites jirnexxielhom jieħdu l-vantaġġ fl-aħħar 40 sekonda tal-logħba biex kisbu rebħa bil-punteġġ ta’ 95-93. Fit-tieni logħba, iż-żewġ timijiet kienu viċin fl-ewwel sessjoni u nofs fejn Starlites bdew jibnu vantaġġ u tbiegħdu mir-rivali tagħhom biex biex kisbu rebħa bil-punteġġ ta’ 92-70.
It-tielet logħba rat wirja oħra dominanti miċ-Champions renjanti fejn is-superjorità tagħhom kienet evidenti ħafna fejn għalqu l-logħba bl-iskor ta’ 100-89 biex issiġillaw ir-rebħ tal-kampjonat.
Ernest Agius, Chief Operations Officer fi ħdan il-Bank of Valletta u Joseph Muscat, Segretarju Ġenerali tal-Malta Basketball Association ippreżentaw it-trofew tal-Kampjonat BOV tal-Basketball lil Starlites. Davonte Craven ta’ Starlites ġie vvutat bħala l-Aqwa Plejer (MVP) tas-Serje Finali u ġie ppreżentat bi plakka kommemorattiva għall-prestazzjoni tiegħu.
Il-basketball hija waħda mid-dixxiplini sportivi appoġġjati mill-Bank of Valletta bħala parti mill-impenn fit-tul tiegħu għall-benessri fiżiku u mentali f’Malta permezz tal-attività fiżika.