Tuesday, April 23, 2024

Statwi tal-Immakulata Kunċizzjoni u Santu Rokku se jiġu restawrati bl-appoġġ tal-BOV

Aqra wkoll

Żewġ statwi, waħda ddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni u l-oħra lil Santu Rokku, li jinstabu fil-Knisja Franġiskana ta’ Santa Marija ta’ Ġesù (Ta’ Ġieżu) fil-Belt Valletta se jgħaddu minn proċess estensiv ta’ konservazzjoni u restawr bl-appoġġ tal-Bank of Valletta. Ix-xogħlijiet ta’ restawr ġew fdati f’idejn Prevarti – Art Restoration and Conservation.

L-Istatwa tas-seklu 19 tal-Immakulata Kunċizzjoni, xogħol l-iskultur rinomat Xandru Farrugia, hija statwa tal-injam li għandha għadd kbir ta’ ħsarat estetiċi li huma relatati mal-żmien li għandha l-istatwa kif ukoll minħabba li kienet tintuża’ f’purċissjonijiet, flimkien ma’ ħsarat strutturali. Brix u nuqassijiet fl-induratura; xquq kbar fis-saff tal-ġibs kif ukoll fl-istruttura tal-injam qed jikkawżaw dgħufija fl-istatwa.

San Rokku huwa meqjus bħala l-protettur ta’ dawk li jbatu mill-pesta. Il-leġġenda tgħid li San Rokku stess kien infettat bil-pesta iżda tfejjaq minn kelb li kien joqgħod jilgħaq il-ġrieħi tiegħu. Huwa għalhekk li San Rokku huwa dejjem rappreżentat bil-kelb maġenb saqajh. L-istatwa turi sinjali ta’ infestazzjonji ta’ insetti, filwaqt li brix u telf huma preżenti fis-saffi taż-żebgħa, tant li f’xi postijiet tidher il-bażi tal-injam. Jidher li l-iskultura oriġinali tal-kelb intilfet u aktar tard ġiet sostitwita bi skultura ta’ kelb magħmula mill-ġebel.

Miguel Borg, Chief Risk Officer fi ħdan il-Bank of Valletta ltaqa’ ma’ Dun Ramon Farrugia, Gwardjan tal-Kundru Franġiskan u Pierre Bugeja, Direttur ta’ Prevart,i biex isegwu it-trasport tal-istatwi mill-Knisja għall-istudju tar-restawratur.

“L-aktar artefatt famuż fil-Knisja ta’ ‘Ta’ Ġieżu’ tal-Belt Valletta huwa l-kurċifiss meqjum, madankollu L-Immakulata Kunċizzjoni, il-Patruna tal-Franġiskani u San Rokku, speċjalment fi żmien il-pandemija riċenti, igawdu d-devozzjoni ta’ ħafna,” qal Dun Ramon. “Aħna grati ħafna lill-Bank of Valletta talli appoġġja r-restawr ta’ dawn iż-żewġ statwi, li jiffurmaw parti minn proġett akbar li jinkludi r-restawr tal-knisja u l-kunvent u numru ta’ xogħlijiet tal-arti li jinsabu fihom.”

“Dan huwa proġett ieħor ta’ restawr li l-Bank ħerqan li jaddotta f’konformità mar-responsabbiltà korporattiva u l-impenji ambjentali, soċjali u governattivi (ESG) tiegħu,” qal is-CRO tal-Bank. “L-istorja rikka ta’ Malta tifforma parti integrali mill-identità tagħna, u dan il-proġett se jiżgura li dawn l-artefatti jkunu jistgħu jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet futuri, filwaqt li forsi jintefa’ aktar dawl fuq l-istorja tagħhom permezz tar-riċerka li saret waqt il-proġett ta’ restawr.”

Sport