Il-ġimgħa d-dieħla mistennija tkun waħda kruċjali għall-futur tal-baġit Ewropew hekk kif il-Parlament Ewropew mistenni jivvota l-pożizzjoni tiegħu waqt sessjoni plenarja fi Strasburgu.
Dan il-vot mistenni jwitti t-triq biex l-istess Parlament jibda negozjati diffiċli mal-Istati Membri u mal-Kummissjoni Ewropea.
Il-Qafas Multiannwali Finanzjarju tal-Unjoni Ewropea għall-2028-2034, kif inhu magħruf l-baġit Ewropew, huwa pjan ta’ nefqa mifrux fuq seba’ snin li jiffinanzja oqsma varji mill-għajnuniet soċjali sal-agrikoltura u mill-innovazzjoni sal-għajnuniet għan-negozji ż-żgħar.
Il-Membri Parlamentari Ewropej huma mistennija jikkonfermaw talba għal baġit aktar b’saħħtu u aktar flessibbli. Dan il-vot qed jinxtarr bir-reqqa mill-Ewropa kollha hekk kif se jasal fi żmien fejn l-Unjoni tinsab taħt pressjoni biex tonfoq aktar fuq is-sigurtà tagħha, fuq il-kompetittività u biex tindirizza l-bidla tal-klima. Dan filwaqt li jibqgħu jiġu ffinanzjati proġetti ta’ natura infrastrutturali u dawk soċjali fil-pajjiżi membri.
Il-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament indika li l-Ewroparlamentari jridu allokazzjoni finanzjarja akbar minn dak propost oriġinarjament mill-Kummissjoni Ewropea, bil-membri tiegħu jitolbu li l-Unjoni tinvesti 1.27% tad-dħul nazzjonali komplessiv, bl-argument li dan huwa l-minimu meħtieġ biex l-Ewropa twieġeb għar-realtajiet f’ambjent globali inċert.
Huma qalu li l-Qafas Multiannwali Finanzjarju li jmiss irid jinvesti aktar fit-transizzjoni klimatika, fil-fondi ta’ koeżjoni, fl-edukazzjoni, fl-appoġġ għall-bdiewa u r-raħħala u fil-ħila tal-Ewropa li tiddefendi ruħha.
Waħda mill-kwistjonijiet li mistennija toħloq diskussjoni hija dik ta’ kif se jitħallas lura d-dejn li l-UE għamlet biex tixpruna t-tkabbir wara l-Covid, permezz tal-istrument magħruf bħala n-NextGenerationEU. Filwaqt li l-Kummissjoni trid li l-ħlasijiet lura jsiru mill-istess baġit, jidher li l-parti l-kbira tal-Membri Parlamentari Ewropej ma jaqblux ma’ dan. Huma jridu li d-dejn jitħallas separatament, u mhux billi jitnaqqsu l-fondi għal programmi Ewropej, fosthom dawk tal-istudenti, negozji żgħar u tar-riċerka.
Minflok, numru ta’ MEPs iridu li l-UE tara kif se żżid id-dħul tagħha anke minn sorsi ġoddi, fejn fost l-oħrajn issemmew taxxi marbuta mas-servizzi diġitali, l-emissjonijiet u l-assi virtwali. Filwaqt li dawn il-proposti jistgħu jżidu d-dħul, dawn mistennija jsibu reżistenza minn Stati Membri li ma jixtiequx jaraw lil Brussell tikseb aktar setgħat fil-qasam tat-taxxa.
Din id-diskussjoni għandha wkoll impatt importanti fuq Malta. Bħala benefiċjarju importanti ta’ fondi Ewropej, matul il-perjodu baġitarju attwali, Malta mistennija tkun gawdiet qrib it-2.25 biljun ewro, inkluż bil-fondi tal-istrument ta’ wara l-pandemija.
Baġit akbar għas-snin li ġejjin jista’ jfisser li Malta tkompli tgawdi aktar fondi għal finanzjament ta’ infrastruttura, diġitalizzazzjoni, trasport u fis-settur tal-enerġija, fost l-oħrajn. Għall-kuntrarju, tnaqqis tal-baġit Ewropew jista’ jħalli impatt akbar fuq pajjiżna kif ukoll fuq Stati Membri żgħar oħra tal-Unjoni Ewropea.



