Għaliex il-gwerra tal-Iran – apparti mid-diżgwid li qed iġġib mad-dinja kollha – tinħass bħala waħda stramba?
Jista’ jkun li aktar minn qatt qabel, l-aħbarijiet li jwasslulna xinhu jiġri qed joħorġu b’mod instantaneu. Suppost li b’hekk, iċ-ċaqliq tal-ħidmiet ta’ gwerra jew tad-diplomazija insegwuhom aħjar. Biss dan jiġri jekk il-ħidmiet ikunu kontinwi u mfissra (jew mifhuma) b’mod ċar jew kważi. Iżda min-naħa Amerikana l-aktar, il-bidliet tattiċi u ġieli strateġiċi tant isiru malajr u bla rabta ma’ xi jkun ġara qabel li diffiċli ssegwihom sew, inkluż it-tweġibiet għalihom tal-forzi Iranjani opposti. Dawn jistgħu jkunu mhux reazzjoni għall-aħħar mossa Amerikana imma għal dik li kienet ftit ftit qabilha.
Biex tkompli tħawwad il-bigħa, hemm l-isforzi ma jaqtgħu xejn tan-naħat kollha involuti biex bl-aktar mod giddieb, jaħbu u jinnegaw aspetti essenzjali ta’ x’qed iġarrbu jew jimmiraw għalih.
KWALIFIKI EDUKATTIVI
Ħabib tiegħi li ilu jsegwi l-qasam edukattiv, qalli: Problema fl-Ewropa inkluża Malta, saret li l-istendards ta’ korsijiet terzjarji jew avvanzati qed jitbaxxew. Dan ġara, b’mod kważi awtomatiku, minħabba l-proġett biex iżidu kemm jistgħu n-numru ta’ żgħażagħ u adulti li jitħajru jsegwu korsijiet terzjarji jew avvanzati, kif ġara – ħaġa tajba. Iżda biex tagħmel dal-proġett attraenti, kemm hi idea tajba li pereżempju tnaqqas mid-dettall li bih suġġett jiġi ttrattat? Diġà biż-żieda fin-numru ta’ studenti, l-isfida ssir li l-kwalità tat-tagħlim ma titħalliex tmur lura.
Personalment ma nistax nuġġudika jekk ħabibi għandux raġun, għalkemm rimarki bħal tiegħu diġà smajthom minn ħaddieħor. Fl-istess ħin, skont rapporti oħra, numru sostanzjali ta’ gradwati qed isibu xogħol li jesiġi minnhom ħiliet ħafna anqas qawwija milli jkunu jafu u tgħallmu.
ŻVILUPP
Tajjeb li jinbnew perspettivi u pjani dwar l-iżvilupp futur tal-ekonomija tal-pajjiż. Huma meħtieġa, speċjalment meta jintrabtu wkoll ma’ analiżi serja ta’ fejn inkunu wasalna, bil-kif u bl-għaliex. Kulħadd jagħmilhom, isemmihom jew jgħid kemm għandna bżonnhom.
Fuq quddiem nett, u hekk għandu jkun, insibu lill-gvern u l-istituzzjonijiet tiegħu li qed jagħtu attenzjoni kbira lil dil-ħidma. Matul is-snin, iddaħħlet id-drawwa tajba li fit-tfassil tal-prospetti futuri, isir sforz biex il-poplu in ġenerali u l-oqsma konċernati jkunu konsultati. Kemm dak li jkun ġie suġġerit jingħata widen wara, hi ħaġ’oħra.
Bl-istess mod, l-Oppożizzjoni tal-ġurnata saret tidħol għall-ħidma li tressaq hi wkoll il-perspettivi tagħha. Hekk saru jagħmlu l-istituzzjonijiet tal-kummerċ privat settur b’settur, inkluż minn Għawdex. Dal-proċess hu validu immens.
Problema waħda tibqa’. Kważi fil-każi kollha, it-tifsiriet li ningħataw tal-perspettivi li jissemmew jibqgħu vagi ħafna. Kif għandhom jitwettqu fil-konkret, ftit nisimgħu.


