Wednesday, April 24, 2024

STRASBURGU

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Meta l-ewwel strutturi tal-għaqda Ewropea kienu qed jitpoġġew f’posthom, l-għażla ta’ Strasburgu bħala belt fejn il-Parlament Ewropew jiġi insedjat kienet tajba. Kemm simbolikament, kif ukoll mil-lat geografiku.

L-aqwa sfida politika għall-paċi dejjiema fl-Ewropa dak iż-żmien kienet ir-rikonċiljazzjoni bejn Franza u l-Ġermanja. Strasburgu u r-reġjun tal-Alsace-Lorraine li jdawru kienu għal seklu u aktar spiċċaw priża daqqa ta’ Franza, daqqa tal-Ġermanja. L-abitanti għandhom affinità maż-żewġ pajjiżi. Bħala simbolu li l-konflitti tal-imgħoddi se jintesew u se tinħoloq realtà politika ġdida, is-simboliżmu ta’ Parlament Ewropew fi Strasburgu kien eċċellenti.

Terġa’, il-qagħda Ġeografika tal-belt meta l-għaqda ta’ dak iż-żmien kienet bejn sitt pajjiżi kienet ideali.

Illum dan kollu m’għadux jiswa. L-Unjoni tgħodd 27 membru bi wħud minnhom imbiegħda sew minn Strasburgu. Biex tilħaqha, trid ħin u sforzi żejda ta’ bla sens. Investimenti fil-konnettività tal-belt ma sarux.

Bħala simbolu, hi tilfet ħafna mill-effett tal-bidu, anke minħabba s-suċċess li bih l-Unjoni Ewropea berdet għal kollox kull ostilità bejn il-potenzi tal-punent fl-Ewropa.

BIDLA FIL-KLIMA

Ċerti nies għadhom xettiċi dwar kemm għandha tittieħed azzjoni urġenti biex titrażżan il-bidla fil-klima għaddejja mad-dinja. Uħud minnhom jgħidu li dil-bidla mhijiex tal-għaġeb għax f’kull żmien, il-klima kienet titbandal minn ħafna bard għal ħafna sħana. Oħrajn jiddubitaw li anke jekk qed tiġi l-bidla, se tkun ta’ barraminnhawn. Terġa’ oħrajn iqisu li m’hemm l-ebda prova li jekk il-bidla qed tiġri, dan seħħ minħabba l-ħidma tal-bniedem.

Biss iż-żmien ta’ titubar ilu li spiċċa. Igħidu xi jgħidu x-xettiċi, hemm maġġoranza (li dejjem tiżdied) li qed tifhem li l-kriżi tat-tisħin tal-klima teżisti. Il-miżuri jridu jiddaħħlu kollha b’urġenza biex niġġildulha. Sadattant, trid tibqa’ tingħata attenzjoni biex il-miżuri mittieħda jkunu bbilanċjati u ġusti. Għax iridu jkunu iebsa u se jurtaw ħafna persuni, reġjuni u interessi.

BUĠIBBA

Nammetti: għandi “soft spot” għal Buġibba. Forsi għax ilu ħafna, ommi u missieri kienu xtraw hemm appartament ċkejken fejn ommi kienet tħobb tqatta ġranet tas-sajf twil Malti.

Lil hinn minn hekk: F’Buġibba telaq bil-kbir it-turiżmu “popolari”. U rnexxa b’mod li baqa’ jogħġob sal-lum lil żgħażagħ, familji u anzjani, anke mill-fatt forsi li kien tela’ malajr mix-xejn. Ma kellu l-ebda storja, l-ebda sbuħija naturali li tħallik meraviljat.

Imma kien popolari, ħaġa li wasslet biex il-faċilitajiet li joffri fih jintużaw fuq li jintużaw. M’aħniex nieħdu ħsieb nindokrawhom biżżejjed. Xejn ma nieħu gost nara u nisma’ kif Buġibba tħalliet wisq tiżdinga. Sit li hu daqstant popolari, hi xinhi r-raġuni għas-suċċess tiegħu, trid tieħu ħsiebu, mhux tinjorah.

Sport