Hekk kif qed jiġu mħabbra l-kandidati kollha tal-Partit Laburista għall-elezzjoni li jmiss joħroġ ċar illi nofs it-tim ta’ kandidati tal-PL jekk mhux aktar se jkunu nisa.
Lanqas jien stess ma stennejt daqstant parteċipazzjoni. Niftakarni nikkontentesta waħdi għal 3 elezzjonijiet in fila. U anke ma‘ Malta kollha, konna nkunu verament ftit in-nisa li jikkontestaw, tant li ovvjament f‘ċerti distretti ma kienx ikun hemm nisa.
Għalhekk, l-ewwel tifħir tiegħi jmur totalment għal dawk li kienu wara l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu korrettiv tal-ġeneru għaliex għalkemm qbilt magħhom minkejja fija, jidher li s-sistema proposta minnhom se tkun irnexxiet u irnexxiet bil-kbir. Ma jidhirlix li rnexxiet direttament imma indirettament wasslet għal tant parteċipazzjoni ta‘ nisa li naħseb li ser tirnexxi bil-kbir.
Sa ftit ġimgħat ilu kelli d-dubji tiegħi kemm din is-sistema setgħet twassal għal iktar nisa fil-parlament u għal iktar nisa li jitilgħu bil-voti tagħhom jew bil-by-election. Kien għadni xettika dwar kemm il-ftit nisa li telgħu l-aħħar elezzjoni bil-mekkaniżmu korrettiv il-votanti sejrin verament jivvutaw għalihom direttament l-elezzjoni li jmiss.
Iżda oltre dawn id-dubji tiegħi u x-xettiċiżmu dwar jekk il-pubbliku hux ser jonora l-ħidma femminili fil-Parlament b’voti ta‘ vera u unijiet issa għandi tama ġdida. Dan, l-ewwelnett, minħabba n-numru kbir ta‘ kandidati nisa, kif ukoll in-numru li dejjem qiegħed jonqos ta‘ kandidati rġiel li kienu qabel fil-Parlament. Ġieli nisimgħu ‚One man’s misfortune is another one’s opportunity‘ u jista’ jkun li dak huwa eżattament dak li qed iseħħ politikament bħalissa quddiem għajnejna. Iżda b’differenza … fil-każ tagħna … ‚one man’s misfortune is another woman’s opportunity’.
Għalkemm il-lista ta’ kandidati jista’ jkun li għad mhix definite 100% u għalkemm jista’ jkun hemm xi żviluppi ulterjuri sa ma joħroġ dan l-artiklu, qed jidher ċar li diversi membri parlamentari u saħansitra eks-ministri mhux ser jerġgħu jikkontestaw l-elezzjoni li jmiss. Xi wħud minnhom għax għażlu li jagħmlu hekk minn jeddhom u oħrajn għax sfortunatament ma ġewx approvati mill-partit.
Dan, jista’ jkun għall-ewwel darba fl-istorja, fetaħ għadd ta’ voti li saru disponsibbli għan-nisa f’ammonti bla precedent. Kull Ministru, Segretarju Parlamentari u Membru Parlamentari li ma jikkontestax jivvaka eluf ta‘ voti. Iżda mhux biss fuq distrett wieħed iżda fuq tnejn.
Huwa għalhekk illi, kuntrarju għal dak li ħsibt qabel, nemmen li grazzi għal interess akbar min-nisa fil-politika u (b’mod pjuttost negattiv) għax ċerti rġiel qagħdu lura milli jikkontestaw għax beżgħu li nisa b’inqas voti minnhom jeħdulhom posthom, jista‘ jkun li jkollna ħafna iktar nisa li jitilgħu bil-voti tagħhom stess (bl-unijiet) u bil-by-election milli bil-mekkaniżmu. Dan għaliex jekk in-numru ta‘ nisa u rġiel fuq il-polza tal-vot, ikun nofs b’nofs, l-elettorat ma jkollux għażla għjar li jivvota lin-nisa.
Is-sitwazzjoni tista‘ tiżvolġi b‘diversi modi. Jista’ jkun li tant tirnexxi li l-mekkaniżmu nnifsu ma jiġix applikat totalment u jiġi applikat parzjalment. Jista’ jkun li jiġi applikat xorta. Iżda f’dal-punt nemmen bis-sħiħ illi l-mekkaniżmu ħadem u t-tifħir tiegħi jmur lil dawk li pproponewh.
Lorna Borġ Vassallo studjat Liġi bi speċjalizzazzjoni fil-Liġi tal-UE. Ilha tikteb fuq ‘L-Orizzont’ sa mis-sena 2000 b’intervalli qosra. Ikkontestat diversi elezzjonijiet mal-Partit Laburista u ser terġa’ tikkontesta l-elezzjoni li jmiss. Għal aktar artikli www.vassallolorna.com


