Il-midfielder internazzjonali Malti Teddy Teuma qed jesplora b’mod serju l-possibbiltà li jkompli l-karriera tiegħu fil-Malta Premier, minkejja li għandu diversi offerti minn barra minn Malta, fosthom interess konkret minn klabbs fil-Greċja.
Huwa mifhum li Teuma diġà kellu taħditiet ma’ Sliema Wanderers, bil-plejer bħalissa qed jiżen bir-reqqa l-offerti kollha li għandu fuq il-mejda qabel ma jieħu d-deċiżjoni finali dwar il-futur tiegħu.
Kollox qed jindika li Teuma, konxju mil-livell dejjem jiżdied tal-futbol Malti, huwa interessat li jesperjenza l-ogħla diviżjoni tal-futbol lokali. L-intenzjoni tiegħu tkun li jingħaqad ma’ klabb sfidant, b’ambizzjonijiet ċari għar-rebħ tal-unuri u li għandu storja b’saħħitha fil-futbol Malti.
Għalkemm s’issa għadu ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni finali u l-ebda ftehim ma ġie konkluż, il-possibbiltà li wieħed mill-aqwa plejers Maltin tal-aħħar snin jilgħab fil-kampjonat lokali qed tqajjem interess kbir fost id-dilettanti tal-futbol.
Aktar żviluppi mistennija fil-jiem li ġejjin hekk kif Teuma jkompli jevalwa l-għażliet kollha disponibbli.




