Friday, November 15, 2024

Tipproponi awtorità li tirregola l-ħlas tal-manteniment f’każ ta’ nuqqas ripetut

Aqra wkoll

It-tfal huma l-aktar li jbatu, b’mod speċjali emozzjonalment meta l-ġenitur li jkollu aċċess għalihom, b’mod kapriċċuż u mingħajr raġuni xierqa u biex forsi jisfida lill-ġenitur l-ieħor, għal diversi drabi b’mod ripetut ma jmurx għal uliedu. F’każi bħal dawn għandha ssir riforma fejn jintilef id-dritt għall-aċċess b’tali mod li ma jkunx hemm vantaġġ minn piki li jwasslu biss għal dannu ikbar f’sitwazzjoni fejn minflok tinstab soluzzjoni, il-kobba tkompli titħabbel.

Iddikjarat dan id-Deputata Laburista Dr Amanda Spiteri Grech waqt seduta parlamentari fejn indirizzat ir-realtà attwali dwar l-inġustizzji li għadhom isaltnu fil-konfront tal-aċċess u l-manteniment meta tidħol il-pika bejn iż-żewġ ġenituri li jkunu marru f’toroq separati.

Id-Deputata Laburista fil-bidu tat-trattament tagħha dwar l-aċċess irrimarkat li fil-liġi Maltija għad hemm distinzjoni ċara li twassal għal “diskriminazzjoni” bejn iż-żewġ partijiet. Dan għaliex f’każ li l-ġenitur li jkollu l-kura u l-kustodja tal-ulied jirrifjuta li jonora l-aċċess lill-parti l-oħra jittieħdu proċeduri kriminali kontrih, filwaqt li jekk il-ġenitur li jkollu dritt għall-aċċess ma jirrispettax il-ħin stipulat jew saħansitra ma jirritornax lill-wild lura għand il-parti l-oħra, ma jittiħdux proċeduri kriminali kontra dak il-ġenitur li jkun wettaq dan l-aġir.

Fir-rigward tal-manteniment hija pproponiet biex ladarba jkun inbeda l-proċess tas-separazzjoni bejn iż-żewġ partijiet jew inkella mqar xi ħadd mill-ġenituri jkollu l-kura u l-kustodja sakemm jinbeda l-proċess tas-separazzjoni u tkun intbagħtet ittra lir-Reġistratur, għandu jiġi stabbilit ma’ min qed jgħixu l-ulied f’dak iż-żmien temporanju u immedjatament għandu jkun stabbilit manteniment bażiku. Barra minn hekk issuġġeriet ukoll biex titneħħa l-proċedura preżenti li wieħed irid jiftaħ rikors biex jibda jingħata l-manteniment.

Hija kompliet tgħid ukoll li f’każ illi wieħed mill-partijiet ripetutament mhux jimxi mad-dati stabbiliti fil-kuntratt tas-separazzjoni jew fid-digriet rigward il-ħlas tal-manteniment, b’mod kapriċċuż u mingħajr raġuni valida, ipproponiet li għandu jkun hemm Awtorità “Li jkollha s-setgħa li tidħol hi u effettivament issir parti mill-ftehim u tibda tirċievi b’mod dirett il-ħlas mingħand dak il-ġenitur u tgħaddih lill-parti l-oħra”. Żiedet tgħid ukoll li dik il-parti li tkun ikkawżat dan id-dewmien, għandha tingħata penali kif ukoll “Ħlas addizzjonali amministrattiv apparti li jistgħu jsirulu s-sekwestri relattivi”.

Hija aċċennat ukoll dwar il-fatt li jekk xi ħadd miż-żewġ partijiet jonqos milli jipprovdi l-ħlas tas-saħħa u l-edukazzjoni lill-parti l-oħra, il-liġi attwali ma tiħux passi kriminali kontrih. Hija saħqet li dan l-aġir minn wieħed mill-partijiet għandu jitqies bħala reat u li r-rimedju preżenti illi wieħed mill-ġenituri jkollu jfittex lill-parti l-oħra ċivilment mhuwiex prattiku.

Spiteri Grech tkellmet ukoll dwar il-fatt illi bħalissa l-qrati tal-familja m’għandhomx qafas stabbilit biex ikunu jistgħu jibbażaw il-kalkolazzjoni tal-manteniment.

Ekonomija

Sport