Tuesday, April 30, 2024

Tisħaq dwar l-importanza tal-għoti tad-demm minħabba li dan l-att isalva diversi ħajjiet

Graziella Pace, donatriċi tad-demm għal bosta snin, se tirċievi midalja ta' rikonoxximent

Aqra wkoll

“Ta’ kull sena l-President jirrikonoxxi lill-persuni li jkunu taw sehemhom lejn il-pajjiż. Din is-sena, flimkien ma’ oħrajn, kien imiss lili wkoll għax id-donazzjonijiet li tajt qabżu l-50 darba”.

Qalet dan Graziella Pace, f’wieħed mill-kummenti li tat lil Talk.mt għall-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm li qed jiġi ċċelebrat illum. Hija kompliet tgħid li tinsab grata immens għal dan ir-rikonoxximent u qed tistenna b’ħerqa kbira li tasal din il-ġurnata tant speċjali għaliha: it-28 ta’ dan ix-xahar.

Graziella, li ilha donatriċi tad-demm fuq bażi regolari għal dawn l-aħħar 30 sena, irrakkuntatilna illi hija minn dejjem kellha għal qalbha, u għad għandha, il-volontarjat.

“Ħassejtni obbligata li nagħmel dan il-pass … permezz ta’ dan l-att nafu li qegħdin insalvaw diversi ħajjiet”

Hija spjegat kif kollox beda meta kellha 17-il sena. Kienet attendiet għal fiera tal-volontarjat u lemħet stand dwar l-għarfien u l-bżonn tal-għoti tad-demm. “Ħassejtni obbligata li nagħmel dan il-pass. Kif għalaqt it-18-il sena mort u min hemm ma waqaftx”.

Bħala donatriċi hija żżomm l-appuntament tagħha kull tliet jew erba’ xhur. L-uniċi interruzzjonijiet, biex ngħidu hekk, li kellha fl-esperenza tagħha ta’ donatriċi kien biss meta għal raġunijiet mediċi ma kienx vijabbli li tagħti d-demm, fosthom: matul it-tqala, meta għaddiet minn operazzjoni maġġuri u waqt il-pandemija tal-Covid-19.

“F’kull tip ta’ volontarjat hemm sodisfazzjon kbir ħafna. Meta tkun qed tgħin jew tferraħ lil ħaddieħor, il-pjaċir lura jinħass doppju”. Filwaqt li ħeġġet lin-nies sabiex jinvolvu ruħhom fil-volontarjat, hija enfasizzat b’mod speċjali l-importanza tal-għoti tad-demm għaliex “permezz ta’ dan l-att (tad-donazzjoni tad-demm), nafu li qegħdin insalvaw diversi ħajjiet,” saħqet Graziella.

Uħud mill-preparamenti li jridu jgħaddu minnhom id-donaturi

Graziella fissret li l-fatt illi tkun donatur tad-demm jirrikjedi ċertu preparamenti. L-ewwel u qabel kollox trid taċċerta ruħek li inti f’saħħtek, u barra minn trid tikkonsma ikel u xorb sustanzjuż: “Biex wieħed ikun jista’ jagħti d-demm irid ikun b’saħħtu hu stess … qabel id-donazzjoni jrid jixrob l-ilma u ma jittiklux xaħmijiet”.

Hija ma naqsitx milli tapprezza u tfaħħar l-istaff kollu taċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm li tant jaħdmu b’dedikazzjoni kbira, kif ukoll b’mod speċjali lit-tim mediku tal-attenzjoni u l-gwida neċessarja li jipprovdu lid-donaturi kollha.

Sport