Il-ħaddiema tal-istamperija tal-Gvern se jgawdu minn pakkett finanzjarju u kundizzjonijiet aħjar ta’ xogħol permezz ta’ Ftehim Settorjali li ġie ffirmat bejn il-GWU u l-Government Printing Press.
Dan il-Ftehim Settorjali li jkopri perjodu ta’ ħames snin jirrifletti x-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema li nbidel bl-iżviluppi fit-teknoloġija.
Is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi, Kendrick Bondin qal li l-Ftehim jipprovdi wkoll għat-taħriġ tal-ħaddiema sabiex ikunu jistgħu javvanzaw aktar fil-karriera tagħhom u jaqdu d-dmirijiet tagħhom aħjar. Huwa radd ħajr lil dawk kollha li taw is-sehem tagħhom biex jaslu għal dan il-Ftehim.
Preżenti għall-iffirmar tal-Ftehim kien hemm is-Segretarju Permanenti Prinċipali Tony Sultana, is-Segretarju Permanenti – People and Standards Division, Joyce Cassar, id-Deputat Kap tal-Industrial Relations Unit fi ħdan il-P&SD Mario Grixti, id-Direttur tal-Government Printing Press Osvaldo Pace u s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.