Tuesday, April 23, 2024

Titjib fil-kundizzjonijiet ta’ eluf ta’ ħaddiema fis-settur tas-saħħa

Issiġillat ftehim ġdid għall-infermiera, il-qwiebel u l-ECG technicians

Aqra wkoll

Iktar minn 4,000 ħaddiem fis-servizz tas-saħħa pubblika se jkunu qegħdin jieħdu pagi u kundizzjonijiet aħjar. Dan wara li kien issiġillat ftehim settorjali ġdid għall-infermiera u l-qwiebel, filwaqt li ġie ffirmat ukoll ftehim settorjali ġdid għall-ECG technicians.

Meta żar l-infermiera wara li attenda għall-iffirmar ta’ dawn il-ftehimiet, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dawn il-ftehimiet settorjali huma xhieda qawwija ta’ Gvern impenjat li jinvesti bil-kbir fl-oqsma li huma ta’ ġid għall-komunità, u s-settur tas-saħħa huwa fost l-iktar oqsma importanti għan-nies u l-pajjiż.

“Malta għandha servizz tas-saħħa li dejjem jikkwalifika fost l-aqwa. M’hemmx dubju li s-sehem tal-ħaddiema huwa essenzjali u ċentrali f’dan kollu. Għalhekk qed ninvestu f’waħda mill-professjonijiet ewlenin biex jingħata dan is-servizz. Sodisfatt immens li meta qegħdin nissiġillaw dan il-ftehim, li jfisser wiegħda oħra mwettqa, qed nagħtu l-aqwa kundizzjonijiet li qatt kellhom l-infermiera tagħna. Nemmnu bi sħiħ f’dak li qed nagħmlu,” qal il-Prim Ministru u nnota kif il-Gvern kontinwament qed itejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.

Il-Prim Ministru żied kif il-Gvern irid aktar żgħażagħ jagħżlu din il-vokazzjoni tan-nursing. “Tidħol għan-nursing għax ikollok l-imħabba lejn il-pazjent. Iżda kulħadd jaf li, fl-aħħar mill-aħħar, wieħed jippretendi wkoll li tas- sagrifiċċju li jkun għamel kemm fl-istudju u kemm fix-xogħol ikollu karriera li, minbarra li tagħtih sodisfazzjon, tgħinu jgħix ukoll kwalità ta’ ħajja aħjar. Dan il-ftehim jaħseb biex din il-professjoni jsaħħaħha u wieħed iħares lejha bħala karriera fejn jipprogressa,” qal il-Prim Ministru.

Filwaqt li emfasizza r-rieda tal-Gvern li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja, fisser kif din hi waħda f’ħolqa ta’ inizjattivi. “Għalhekk il-pajjiż jeħtieġ li jibqa’ jkabbar l-ekonomija biex imbagħad dak il-ġid li jinħoloq jinvestih lura fl- iktar oqsma kruċjali,” saħaq il-Prim Ministru.

Għall-iffirmar ta’ dawn il-ftehimiet, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne u mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela.

Filwaqt li ddeskriva l-ftehim bħala wieħed storiku, il-President tal-MUMN, Paul Pace qal li “il-benefiċċji huma ħafna. L-ewwel benefiċcjarji u l-aktar importanti, huma l-pazjenti rrikoverati fid-diversi sptarijiet, anzjani li qegħdin f’istituzzjonijiet, ċittadini li jżuru ċ-ċentri tas-saħħa u dawk l-ommijiet li jidħlu l-isptar biex iwelldu t-trabi tagħhom.”

Huwa żied jgħid li b’dan il-ftehim ser ikollna infermiera u qwiebel aktar motivati. “Kulħadd huwa konxju x’inhu għaddej fid-dinja – nuqqas ta’ infermiera kullimkien. Però hawn Malta ma waqafniex biss billi rrikonoxxejna l-problema, imma l-aktar importanti huwa l-fatt li ħdimna flimkien biex inħajru aktar żgħażagħ jagħżlu din il-professjoni bħala l-karriera tagħhom, kif ukoll introduċejna inċentivi biex in-nurses u l-qwiebel jibqgħu fl- impjieg, speċjalment dawk ta’ età żgħira,” qal Paul Pace.

“Dan il-Ftehim Settorjali ma setax ġie fi żmien aħjar għaliex ser jibda jindirizza l-problemi ta’ dan in-nuqqas u joħloq stabbilità,” qal Pace li nnota wkoll kif dan huwa Ftehim Settorjali li ser jinċentiva aktar lin-nurses u lill-qwiebel biex ikomplu jispeċjalizzaw. “Din l-ispeċjalizzazzjoni hija importanti biex il-morda jingħataw kura aktar immirata għall-ħtiġijiet tagħhom. L-aktar punt importanti f’dan il-Ftehim Settorjali huwa li qed jindirizza eżatt fejn hemm l-isfidi. L-akbar sfida hija n-nuqqas ta’ nurses u proprju huwa dan li qed jagħmel dan il-Ftehim Settorjali.

Is-sigriet li dan il-Ftehim Settorjali jkun suċċess huwa l-fatt li l-benefiċċji li fih jibqgħu fi ħdan dawn iż-żewġ professjonijiet biex iż-żgħażagħ, meta jiġu biex jagħżlu karriera, ikunu kapaċi jaraw id-differenza,” temm jgħid is-Sur Pace filwaqt li rringrazzja lit-tim min-naħa tal-Gvern involuti fin-negozjati.

Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Tony Sultana, uffiċjali oħra tal-Gvern u tal-Union.

Sport