Il-ħtieġa li Malta tkejjel x’qed jissarraf it-tkabbir ekonomiku għan-negozji u għall-ħaddiema kienet fil-qalba tal-Business in Malta Conference 2026, li saret f’San Ġiljan. It-turiżmu offra eżempju ċar. Lil hinn mill-għadd ta’ viżitaturi, il-kelliema saħqu fuq l-importanza li jitkejjel il-benefiċċju li jħalli s-settur fil-pajjiż, fid-dawl tal-limiti tal-infrastruttura.
Għan-negozji, waħda mill-isfidi hi kif jistgħu jespandu meta diġà qed isibuha diffiċli biex jirreklutaw. Fis-setturi li jiddependu ħafna fuq il-ħaddiema, it-teknoloġija tista’ tgħin biex titjieb il-produttività. Dan jitlob ukoll investiment fit-taħriġ, sabiex il-ħaddiema, f’kull livell tal-kumpanija, ikunu jistgħu jużaw għodod ġodda, jaddattaw għal bidliet fix-xogħol tagħhom u jitħarrġu għal rwoli differenti. Fil-każ tal-intelliġenza artifiċjali, il-kelliema enfasizzaw l-importanza tal-ġudizzju uman meta jiġu evalwati r-riżultati.
Il-fondi Ewropej jistgħu jgħinu biex jitħallas parti minn dan l-investiment. Madankollu, waqt il-konferenza ntqal li Malta għadha lura fl-użu tal-fondi ta’ Horizon Europe u Digital Europe. Lill-imprendituri ngħatalhom il-parir li l-ewwel jistabbilixxu x’investiment jeħtieġ in-negozju tagħhom u mbagħad ifittxu l-iskema li taqbel mal-pjan. Gwida dwar l-applikazzjonijiet u inqas burokrazija jistgħu jagħmlu dawn l-opportunitajiet aktar aċċessibbli, speċjalment għall-intrapriżi żgħar.
Il-kompetizzjoni għall-ħaddiema għandha wkoll dimensjoni internazzjonali. Min ikun qed jagħżel bejn impjieg f’Malta u ieħor barra jikkunsidra kemm se jibqagħlu mill-paga. Għalhekk, il-kelliema appellaw għal aktar ċarezza dwar l-għan tal-miżuri li jolqtu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u għal valutazzjoni tal-effett tagħhom fuq il-ħaddiema u min iħaddimhom. F’Għawdex, min iħaddem fis-settur privat irid jikkompeti wkoll mas-settur pubbliku għall-ħaddiema disponibbli.
Fl-intervista tal-għeluq, ma’ Alfie Borg, il-Fundatur u Chairman ta’ Hudson Holdings, id-diskussjoni daret fuq il-potenzjal ta’ Malta bħala ċentru għall-esportazzjoni lejn l-Afrika u l-Ewropa. Għal negozju li qed iħares lejn suq ġdid, l-ewwel pass hu li jifhem min huma l-kompetituri tiegħu, liema prezzijiet jiflaħ is-suq u liema liġijiet jirregolawh. Anki b’din it-tħejjija, id-deċiżjoni li jinvesti tibqa’ titlob ġudizzju u rieda li jieħu riskju.
