Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard kellu laqgħa mat-taqsima tar-real estate fi ħdan il-Malta Developers Association (MDA), fejn fiha ddiskutew l-implimentazzjoni tal-liġi li kienet approvata unanimament fil-Parlament, dwar it-twaqqif ta’ Aġenzija dwar is-Suq tal-Proprjetà. Il-laqgħa serviet biex tiġi imwittija t-triq għall-ħidma meħtieġa li trid issir fuq diversi aspetti li joħorġu mil-liġi l-ġdida.
“Din il-liġi ġiet imsejsa fuq il-konsultazzjoni mal-istakeholders fis-settur u l-implimentazzjoni tagħha trid isir ukoll bi djalogu mal-istakeholders. Għaldaqstant, inħarsu ’l quddiem biex inkomplu nsaħħu dan il-djalogu ħa naraw li jkomplu jogħlew l-istandards f’dan is-settur u dan fl-interess ta’ dawk kollha li jbigħu, jixtru jew jikru l-propjetà,” saħaq il-Ministru Attard
L-Aġenzija dwar is-Suq tal-Proprjetà se tkun imwaqqfa bil-għan li taġixxi ta’ Aġenzija regolatorja dwar l-intermedjarji tal-proprjetà billi se tkun qed tassumi wkoll il-funzjonijiet imwettqa sa issa mill-Bord tal-Ħruġ tal-Liċenzji.
Il-Ministru tenna li għalkemm il-funzjoni primarja ta’ din l-Aġenzija, hija waħda regolatorja, se jkollha wkoll ir-rwol li tippromwovi l-komunikazzjoni u koordinazzjoni effettiva bejn entitajiet tal-gvern u dawk privati involuti fis-settur tal-proprjetà.
“Jien nistieden għalhekk biex minn issa jibdew id-diskussjonijiet bejn il-partijiet biex ikun assigurat li nimmassimizzaw l-għodda li qed tipprovdi din il-liġi, mhux biss f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tfassil u aġġornament tal-politika, imma wkoll f’dak li għandu x’jaqsam ma’ programmi edukattivi u analiżi tad-dejta li tkun disponibbli fis-settur”, temm jgħid il-Ministru Attard.
Min-naħa tiegħu, il-kap tas-sezzjoni tal-Aġenti tal-Proprjetà fi ħdan l-MDA Michael Bonello qal li jemmen li dawn il-laqgħat huma importanti ħafna u ddeskriva l-laqgħa bħala pass ieħor ’il quddiem fit-triq it-tajba lejn l-implimentazzjoni tat-twaqqif tal-Aġenzija.
Preżenti wkoll għal din il-laqgħa kien hemm iċ-Chairman tal-Bord tal-Liċenzjar tas-Suq tal-Proprjetà Dr Ian Borg u l-President tal-Malta Developers Association Michael Stivala, fost membri oħrajn.