Brażiljan ta’ 32 sena ġie kkundannat tmien snin ħabs wara li ammetta flok għadda ġuri li sentejn ilu daħħal tliet kilos droga kannabis f’pajjiżna biex jittraffikaha.
Lura fis-27 ta’ Ġunju tal-2021, Pedro Augusto Charret kien ġie arrestat l-Ajruport ta’ Malta wara li xi uffiċjali tad-Dwana sabulu bi tliet kilos droga fil-bagalja li ma kinitx għall-użu personali tiegħu.
Jumejn wara huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud fejn ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih. Fis-26 ta’ Lulju li għadda ntlaħaq ftehim bejn l-Avukat Ġenerali u d-Difiża. L-imputat bidel fehemtu u ammetta l-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Qorti Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ikkunsidrat l-ammissjoni tal-imputat u l-fatt li fis-seduta tat-22 t’Awwissu 2022 Charret fehem l-importanza tal-ftehim li seħħ bejn l-AĠ u l-avukat tiegħu.
Huwa ġie kkundannat tmien snin ħabs u multa ta’ €25,000.