Sunday, November 24, 2024

Tmien snin u nofs ħabs talli prova joqtol lill-eks sieħba

Aqra wkoll

Miloud Elforjani, Libjan ta’ 40 sena, kien ikkundannat tmien snin u nofs ħabs wara li ammetta qabel għadda ġuri li tliet snin ilu pprova joqtol lill-eks sieħba tiegħu għax riedet ittemm ir-relazzjoni miegħu.

Minn dak li ħareġ fil-Qorti, irriżulta li fl-2016, l-akkużat kien beda relazzjoni mal-vittma, li dak iż-żmien kellha erbat itfal. Waqt ir-relazzjoni tagħha miegħu, hija nqabdet tqila u kellha tarbija oħra, liema tarbija l-akkużat ħaseb li kienet tiegħu.

Il-problemi jidher li bdew meta l-vittma qalet lill-akkużat illi t-tarbija ma kinitx tiegħu u urietu li xtaqet ittemm ir-relazzjoni ta’ bejniethom. Jidher li l-akkużat baqa’ ma aċċettax dan, u waqt l-interrogazzjoni tiegħu saħansitra kien ammetta li allegatament kien jheddidha.

Din is-sitwazzjoni baqgħet għaddejja sakemm fl-10 ta’ Novembru tal-2020, l-akkużat bagħtilha messaġġ u wara li din ċemplitlu, qalilha sabiex tmur tiltaqa’ miegħu. Għall-ħabta tal-4.30 p.m., hija marret tiltaqa’ miegħu f’San Pawl il-Baħar.

Intqal li l-akkużat kien daħal fil-karozza tagħha u bdew jitkellmu u wara li reġgħet qaltlu li ma xtaqitx tibqa’ f’relazzjoni miegħu, huwa allegatament irrabja u qalilha sabiex iċċempel lil ommha biex iselli għaliha u għat-tfal tagħha għaliex kien se “joqtolha.”

F’dan il-waqt, wara li l-mara rrifjutat li ċċempel lil ommha biex ma tinkwetahiex, l-akkużat ħareġ mus mill-basket tiegħu u taha diversi daqqiet bih. Hija pprovat tinqala’ minn ġo jdejh u b’xorti tajba rnexxielha tiżgiċċa minn taħt idejh. 

Wara li ssejħet l-għajnuna tal-pulizija, il-mara ttieħdet immedjatament l-isptar għall-kura, fejn ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi ta’ natura gravi. 

Elforjani kien akkużat b’sitt Kapi ta’ Akkuża, b’dik ewlenija tkun l-attentat ta’ qtil tal-mara. Huwa kien akkużat ukoll li kkaġunalha ġrieħi ta’ natura gravi, kellu fil-pussess tiegħu strument li jaqta’ u bil-ponta, li ta fastidju lill-vittma u kkaġunalha biża’ li se tintuża vjolenza kontriha u li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja.

Waqt li sabitu ħati fuq ammissjoni tiegħu stess, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera kkundanatu piena ta’ tmien snin u nofs priġunerija effettiva u multa ta’ €116.47ċ.

Il-Qorti ordnat ukoll il-ħruġ ta’ garanzija għal perjodu ta’ 12-il xahar sabiex tipprovdi għas-sigurtà tal-vittma u l-familjari tagħha. Dan filwaqt li poġġiet lill-akkużat taħt ta’ ordni ta’ trattament għal perjodu ta’ ħames snin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Abigail Caruana mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Roberto Montalto deher għal Elforjani.

Sport