Thursday, April 10, 2025

Tnedija ta’ proġett ta’ simulatur tal-ajru mmexxi mill-Università ta’ Malta

Aqra wkoll

Is-Segretarjat Parlamentari responsabbli mir-riċerka u l-innovazzjoni nieda uffiċjalment proġett ta’ riċerka mmexxi mill-Istitut tat-Teknoloġiji tal-Ajru (IAT) tal-Università ta’ Malta, li permezz tiegħu se jiġi żviluppat simulatur avvanzat għall-industrija tal-avjazzjoni – l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’pajjiżna. Il-proġett tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-hangar tal-KM Malta Airlines fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.

Dan is-simulatur huwa maħsub bħala mezz innovattiv għal taħriġ, analiżi tad-data u testijiet f’dan is-settur. Il-proġett hu parti minn għaxar inizjattivi oħra ta’ riċerka ffinanzjati mis-Segretarjat, b’għan li jsaħħu l-infrastruttura teknoloġika u jpoġġu lil Malta bħala punt ta’ referenza għar-riċerka u l-innovazzjoni fir-reġjun.

Keith Azzopardi Tanti saħaq li, “Il-Gvern qed jinvesti fit-teknoloġija mhux biss biex nilħqu l-istandards Ewropej, imma biex inkunu minn ta’ quddiem nett f’oqsma speċjalizzati. Dan il-proġett f’dan il-qasam kruċjali se jwassal għal taħriġ ta’ livell internazzjonali u jgħin lill-linji tal-ajru lokali joperaw b’aktar effiċjenza u b’impatt ambjentali baxx.”

Huwa żied jgħid li, “Il-messaġġ tagħna huwa wieħed ta’ fiduċja fl-istudenti u r-riċerkaturi tagħna. Aħna nemmnu fis-sħiħ fil-ħaddiema kollha li jagħtu sehhem fl-ekonomija ta’ pajjiżna, u għalhekk se nibqgħu ninvestu fihom. Dan huwa biss il-bidu ta’ viżjoni aktar wiesgħa biex Malta tkun minn ta’ quddiem fil-qasam tal-avjazzjoni.”

Min-naħa tiegħu, il-Professur David Zammit Mangion spjega li dan il-proġett għandu l-għan li joħloq infrastruttura avvanzata ta’ simulazzjoni li mhux biss tipprovdi taħriġ tekniku, imma wkoll tappoġġja testijiet operattivi u l-ottimizzazzjoni tal-proċessi. “Dan l-investiment mhux biss jagħti spinta lill-kompetenzi tekniċi lokali, iżda joħloq ukoll opportunitajiet għal kollaborazzjonijiet ma’ industriji barranin,” qal il-Professur Zammit Mangion.

Dan il-proġett jikkonferma l-impenn tal-Gvern biex joħloq ekosistema sħiħa ta’ innovazzjoni li tgħaqqad ir-riċerka, l-industrija u t-taħriġ professjonali, pilastri ewlenin għall-futur sostenibbli u teknoloġiku ta’ Malta.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport