Monday, February 10, 2025

Tnejn arrestati b’rabta ma’ sejba ta’ sustanzi illegali

Aqra wkoll

Żewġ investigazzjonijiet separati b’rabta ma’ importazzjoni ta’ droga u sustanzi oħra illegali, wasslu għall-arrest ta’ żewġt irġiel.

Fl-ewwel każ, raġel ta’ 25 sena mill-Bożnija-Ħerzegovina, ġie arrestat mal-wasla tiegħu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Dan hekk kif waqt tfittxijiet ta’ rutina li kienu qegħdin isiru fuq passiġġieri differenti, ir-raġel, li kien għadu kemm wasal Malta fuq titjiera minn Barċellona, deher jaġixxi b’mod suspettuż.

Għaldaqstant wara tfittxija li saret fil-bagalja, bl-assistenza ta’ uffiċjali tad-Dipartiment tad-Dwana, instabu seba’ pakketti li fihom kien hemm madwar 8 kilogrammi sustanza suspettata kannabis.

F’investigazzjoni oħra, raġel ta’ 33 sena mill-Ġordan kien arrestat wara li mill-investigazzjonijiet irriżulta li allegatament bidel residenza f’post biex tiġi mmanifatturata sustanza illegali ta’ GHB u droga sintetika oħra. Dan irriżulta wara li aktar qabel il-Pulizija kkonfiskat pakkett suspettuż li wasal bil-posta, indirizzatat lir-raġel fir-residenza fl-Imġarr.

Fl-istess residenza l-Pulizija sabet ukoll numru ta’ pakketti b’sustanza bajda, allegatament kokaina. Iż-żewġ persuni mistennija jitressqu l-Qorti llum, għall-ħabta tal-11.00am, quddiem il-Maġistrat Dr Jean Paul Grech LL.D

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport