Fil-jiem li għaddew ħarġet is-sejħa ta’ interess biex sidien ta’ gyms li huma interessati li jieħdu sehem f’miżura li tħabbret fil-budget li għadda, jkunu jistgħu japplikaw. Il-miżura tħabbret fil-Budget 2025 u permezz tagħha l-Gvern qed jagħti sitt xhur sħubija b’xejn lil żgħażagħ li twieldu bejn l-2005 u l-2007.
Il-ħsieb wara din il-miżura huwa li jiġi promoss stil ta’ ħajja aktar san kemm mill-aspett ta’ saħħa mentali kif ukoll b’kultura ta’ nutrizzjoni tajba.
Din hija parti mill-viżjoni tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni anki fis-settur edukattiv, li qed titwassal ’il quddiem permezz ta’ diversi miżuri. Fost dawn, proġett pilota li permezz tiegħu qed jiżdied il-ħin li l-istudenti jagħmlu f’attivitajiet fiżiċi. Dan il-proġett kien suċċess u bħalissa qed jipparteċipaw fih ħames kulleġġi differenti, b’aktar minn ħames mitt klassi, filwaqt li sa sentejn oħra jkun f’kull kulleġġ.
“Is-sena li għaddiet ġiet varata l-Istrateġija għall-konsultazzjoni pubblika flimkien mal-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva A Strategy for Health-Enhancing Physical Activity li għandha viżjoni li kull ċittadin għandu jkollu aktar għarfien dwar l-importanza tal-attività fiżika fil-ħajja ta’ kuljum, li twassal għal titjib fis-saħħa tal-individwu, fakkar il-Ministru. “Kemm din il-miżura li tħabbret fil-budget kif ukoll proġetti oħrajn fis-settur edukattiv u s-settur sportiv qed iwasslu biex nagħtu importanza lill-parteċipazzjoni fl-attività fiżika fil-ħajja tagħna ta’ kuljum,” tenna l-Ministru Grima.
Huwa spjega li l-viżjoni f’dan is-settur hija li l-Gvern irid li kulħadd ikollu aċċess faċli għal faċilitajiet sportivi, viżjoni li permezz tagħha qed ikun enfasizzat li l-eżerċizzju fiżiku huwa proċess tul il-ħajja li jrid jibda minn kmieni kemm jista’ jkun.
Permezz ta’ din il-miżura li għaliha nfetaħ il-proċess ta’ applikazzjoni, kull min huwa sid ta’ gym jista’ jipparteċipa. Meta jingħalaq dan il-proċess u s-sistema tibda taħdem, iż-żgħażagħ li twieldu bejn l-2005 u l-2007 ikunu jistgħu japplikaw, u jkollhom is-sħubija tagħhom għal sitt xhur li tkun imħallsa kollha mill-Gvern.
Dawk il-parteċipanti interessati huma mitluba jagħfsu hawn u jimlew id-dettalji mitluba sa mhux aktar tard min-nofsinhar tal-21 ta’ Frar 2025.