TradeMalta tkompli ssaħħaħ l-isforzi biex aktar negozji Maltin jespandu fis-swieq internazzjonali

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Chris Fearne żar l-uffiċini ta’ TradeMalta, fejn iltaqa’ mat-tmexxija u mal-impjegati tal-entità biex jiddiskuti l-ħidma tagħha favur l-internazzjonalizzazzjoni tan-negozji Maltin u l-prijoritajiet tagħha għas-snin li ġejjin.

Matul iż-żjara ġie enfasizzat it-tkabbir sostanzjali fl-esportazzjonijiet ta’ Malta f’dawn l-aħħar snin, bil-valur tagħhom jiżdied minn €14.9 biljun fl-2015 għal €29.5 biljun fl-2025. Ġie diskuss ukoll kif TradeMalta qed tadatta l-ħidma tagħha biex tkompli tappoġġja kemm lill-esportaturi tradizzjonali kif ukoll lis-settur tas-servizzi, li llum jirrappreżenta l-akbar sehem tal-esportazzjonijiet Maltin.

Il-Ministru Fearne qal li, f’ekonomija miftuħa bħal dik ta’ Malta, id-diplomazija ekonomika għandha rwol kruċjali biex tiftaħ opportunitajiet ġodda għan-negozji Maltin. “L-esportazzjonijiet huma wieħed mill-pilastri tat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna. Ir-rwol ta’ TradeMalta huwa li tgħin lill-kumpaniji Maltin jespandu lil hinn minn xtutna, filwaqt li n-netwerk diplomatiku ta’ Malta jkompli jiftaħ il-bibien għal swieq u sħubijiet ġodda.”

Matul il-laqgħa ġew diskussi wkoll il-prijoritajiet futuri ta’ TradeMalta, fosthom id-diversifikazzjoni lejn swieq ġodda fl-Afrika, fl-Asja u fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq, kif ukoll il-ħidma kontinwa biex aktar kumpaniji Maltin isaħħu l-preżenza tagħhom fis-swieq internazzjonali.

Il-Ministru Fearne żar diversi timijiet fi ħdan TradeMalta u rringrazzja lill-impjegati għall-ħidma tagħhom biex jgħinu lin-negozji Maltin jikkompetu b’suċċess fuq livell internazzjonali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport