Sunday, December 22, 2024

TTD 2022 – Illum Malta tilgħab kontra l-Kroazja

Aqra wkoll

It-team nazzjonali Malti mmexxi mill-coach Devis Mangia, illum jilgħab id-disa’ logħba tiegħu minn Grupp H ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2022 meta fl-Istadium Nazzjonali jaffaċċja lill-Kroazja.

S’issa, Malta lagħbet tmien partiti f’dan il-grupp meqjus bħala wieħed ferm diffiċli fejn kisbet rebħa ta’ 3-0 u draw ta’ 2-2 kontra Ċipru, draw ieħor ta’ 2-2 kontra s-Slovakkja filwaqt li sofriet ħames telfiet.

It-team għadu ġej minn punt kontra Ċipru, f’Larna­ca, liema partita ntlagħbet ix-xahar li għadda biex il-moral jinsab ferm għoli.

Minkejja kollox, il-coach Mangia f’konferenza stampa li ta aktar kmieni l-ġimgħa l-oħra huwa sostna  li l-importanti hi li kulħadd iżomm saqajh mal-art minħabba li t-team nazzjonali għaddej minn proċess ta’ żvilupp u kollox jieħu ż-żmien tiegħu.

Intant, fil-konferenza stampa li ġiet indirizzata proprju lbieraħ, il-coach Mangia qal li kulħadd jaf il-qaw­wa tal-Kroazja tant li ddeskri­vihom bħala wie­ħed mill-aqwa timijiet fid-dinja fil-preżent, iżda jinsab fiduċjuż li tabilħaqq nistgħu niksbu riżultat po­żittiv minn din il-partita.

Huwa sostna li l-players tiegħu jinsabu preparati sa snienhnom għal dan il-konfront u kull player li sejjaħ, ħlief tnejn jew tlie­ta li ma jinsabux fl-aqwa forma possibbli, huma disponibbli għall-partita tal-lum.

Huwa tenna: “Ninsab ferm kuntent bl-attitudni tal-players tiegħi fejn fost oħrajn niddeskrivi s-sessjoni ta’ taħriġ li kellna matul il-jum tat-Tlieta bħala waħda mill-aqwa jekk mhux l-aqwa li mex­xejt kemm ilni coach tat-team nazzjonali. Dan għandu jawgura tajjeb għall-partita tal-lum kontra l-ġganti tal-Kroazja.”

F’din il-konferenza tal- aħbarijiet tkellem ukoll il-captain ta’ Hibernians, Bjorn Kristensen, li wara li matul ix-xahar li għadda kontra s-Slovenja u Ċipru ma kienx fl-az­zjoni min­ħabba injury, se jkun qed jirritorna għal din il-partita u sussegwentement kontra s-Slovakkja.

Huwa ddeskriva l-ambjent fid-dressing room Mal­tija bħala wieħed san u qal li hu u l-players sħabu se jkunu qed jagħtu dak kollu possibbli kontra l-Kroati.

L-aħħar partita kontra l-Kroazja kienet fit-30 ta’ Marzu li għadda, fi Sta­dion Rujevica, f’Rijeka, fejn l-avversarji ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-0.

Dan wara li l-Maltin żammew lill-Kroati għal aktar minn siegħa ‘l barra mill-kaxxa difiża minnhom, iżda mad-dħul tal-players veterani Ivan Perisic u Luka Modric, it-team ittrasforma ruħu, tant, li ż-żewġ players fetħu vantaġġ doppju filwaqt li Josip Brekalo, li daħal ukoll bħala sostitut, issiġilla r-rebħa lejn tmiem il-partita.

Il-Kroati, jinsabu fit-tieni post ta’ dan il-grupp meta kisbu 17-il punt, żewġ punti inqas mil-leaders, ir-Russja.

Għalkemm il-kwali­fi­kaz­­zjoni tagħhom għat-Tazza tad-Dinja tidher kważi ċerta, Dalic xorta waħda għandu l-għan li jakkwista l-ewwel post tal-grupp u l-logħba li għandhom nhar il-Ħadd li ġej kontra l-is­tess Russi tagħti indikaz­zjoni finali ta’ fejn se jis­piċċaw fil-klassifika.

Malta u l-Kroazja ltaq­għu disa’ darbiet fl-istorja fejn il-Kroati rebħu tmien darbiet bil-logħba l-oħra tintemm fi draw.

Mangia għadu ma jistax jinkludi lil James Brown fl-iskwadra minħabba li qed ibati minn injury. Minkejja kollox hu sejjaħ l-aqwa players possibbli inkluż il-goalkeeper Henry Bonello li rkupra wara li weġġa’ proprju kontra Ċipru.

Min-naħa tal-coach tal- Kroazja, dan m’għandux problemi partikolari ħlief għal Mateo Kovacic li jinsab imweġġa’.

Ekonomija

Sport