Saturday, December 21, 2024

Twaqqa’ l-akkużi kontra l-eks sieħeb tagħha mixli li stupraha

Aqra wkoll

Raġel ta’ 38 sena mill-Ħamrun, mixli li stupra lill-eks sieħba kien illiberat, wara li l-allegata vittma ddeċidiet li twaqqa’ l-akkużi kontrih.

Ir-raġel kien tressaq il-Qorti x-xahar li għadda. Il-Qorti semgħet kif kienet propju l-allegata vittma li rrapurtat lill-akkużat fuq vjolenza domestika, fejn allegat li rċeviet ukoll messaġġi ta’ theddid.

Waqt ir-risk assessment, l-allegata vittma kienet qalet lill-psikologi li l-akkużat kien stupraha, liema allegazzjoni wasslet biex tinbeda inkjesta maġisterjali. L-Akkużat ġie mixli li stupraha, li żammha kontra l-volonta tagħha u li għamel użu ħażin mill-mezzi ta’ komunikazzjoni.

Fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Abigail Critien, l-imputat wieġeb li mhuwiex ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, bid-Difiża mmexxija mill-avukat Franco Debono targumenta li r-rleazzjoni sesswali kienet kunsenswali.

Quddiem il-Maġistrat Critien, l-allegata vittma sostniet li trid twaqqaf il-proċeduri kollha u esprimiet ix-xewqa li tkompli r-relazzjoni tagħha mal-akkużat.

Il-Maġistrat spjegathielha li jekk tilqa’ t-talba tagħha, il-Qorti ma tkunx tista’ tipproteġiha. Minkejja, it-twissijiet li ngħatat, il-mara baqgħet ma bidlitx fehmitha u lanqas laqgħet is-suġġeriment li d-deċiżjoni tagħha tiġi posposta għal seduta oħra.

F’dan il-kuntest, il-Qorti laqgħet it-talba tal-mara u ssospendiet il-proċeduri kontra l-imputat. B’hekk huwa nħeles mill-akkużi miġjuba kontrih.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Colin Sheldon u l-Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Jurgen Dalli.

Franco Debono u Adreana Zammit mexxew id-difiża filwaqt li għall-mara dehru Mario Mifsud u Nicholas Mifsud.

Ekonomija

Sport