Wednesday, May 6, 2026

U-turn tal-PN fuq il-kontijiet tal-enerġija li mhix kredibbli

Minn Rebecca Buttigieg Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi

Aqra wkoll

Is-settur tal-enerġija ilu mill-2013 fuq nett fl-aġenda f’kull elezzjoni ġenerali. Fl-elezzjoni tal-2013 kien fost ir-raġunijiet ewlenin li wassal għal telfa elettorali bla preċedenti għal Partit Nazzjonalista.

Dan ġara fl-isfond ta’ kontijiet esaġerati tal-dawl u tal-ilma. It-tariffi li kien għamel il-Partit Nazzjonalista kienu faqqru bosta familji li spiċċaw umiljati u jiddependu fuq il-kupuni tal-enerġija.

Il-konsegwenzi tat-tariffi għoljin

It-tariffi tal-enerġija li impona l-gvern nazzjonalista ġabu straġi fl-ekonomija li wasslet biex eluf tilfu l-mpjieg tagħhom u l-qagħad laħaq it-tmient elef persuna.

Dan seħħ fl-istess żmien li inkixef l-iskandlu dwar l-kummissjonijiet ta’ miljuni ta’ ewro, li ftit tal-qalbha, kien qiegħdin jitfgħu f’buthom mix-xiri taż-żejt li kienet tuża l-Enemalta.

Riżultati konkreti tal-gvern Laburista

Il-Partit Laburista fl-2013 ressaq pjan serju u kredibbli li wassal għal roħs ta’ 25% fil-kontijiet għal familji u għan-negozji. Roħs li jammonta għal madwar 80 miljun ewro fis-sena li għadu fis-seħħ sal-lum minkejja l-kriżijiet internazzjonali li wasslu għal splużjoni fil-prezz internazzjonali taż-żejt.

Bil-fatti u mhux bil-kliem, il-pjan tal-enerġija tal-Gvern Laburista ħaffef l-għafsa tal-kontijiet, fl-istess waqt li għalaq l-impjanti tal-enerġija li kienu jaħdmu biż-żejt u għamel investiment qawwi biex Malta illum għandha taħlita ta’ sorsi  differenti ta’ enerġija aktar nadifa u aktar sostenibbli u fl-aħħar sentejn ta’ spinta qawwija bi programm ta’ investiment ta’ miljun ta’ ewro fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku.

Il-PN ma tistax tafdah

Il-Partit Nazzjonalista li fl-2013 kien ipprova jirredikola l-pjan tal-enerġija tal-Partit Laburista illum iridna nemmnu li għandu pjan kredibbli biex bih jista’ iraħħas il-kontijiet b’medja ta’ 30 fil-mija.

Qabel il-poplu jibda jikkunsidra x’qiegħed jipproponi l-Partit Nazzjonalista fil-qasam tal-enerġija, jistenna bid-dritt li l-Partit Nazzjonalista jagħmel apoloġija għall-insensittività li kien wera l-Prim Ministru Lawrence Gonzi mal-poplu meta stqarr li kien qiegħed jivvota bil-qalb biex jogħlew il-kontijiet.

Il-wegħda tal-Partit Nazzjonalista li jraħħas il-kontijiet b’medja li madwar 30 fil-mija għal familji hija wegħda panikuża u turi l-konfużjoni li l-partit nazzjonalista għandu fil-qasam tal-enerġija.

Wegħdi li ma jistgħux jitwemmnu

Kif jista’ l-Partit Nazzjonalista jittieħed bis-serjetà meta jibqa’ iwiegħed l-impossibbli. Kif jista’ jitwemmen li investiment ta’ 60 miljun ewro fil-pannelli solari ser irendi 30 miljun ewro fis-sena profitt. Kieku dan jista’ isir żgur li għamluh pajjiżi qabilna li lanqas m’għandhom ir-restrizzjonijiet tal-ispazju li għandha aħna.

Il-verità hija li pajjiżi ikbar minnha li għandhom art kemm iridu għamlu solar farms kbar iżda dawn qatt ma jistgħu jkunu biżżejjed biex ilaħħqu mad-domanda. Pajjiżi bħal Spanja, l-Italja u l-Portugall għamlu investimenti kbar f’enerġija alternattiva mix-xemx, mir-riħ u mill-ilma iżda xorta ma raħsux il-kontijiet tal-enerġija.

Il-kontijiet tal-enerġija raħħashom biss il-gvern Laburista Malti għaliex il-finanzi tal-pajjiżi b’ekonomija f’saħħitha seta’ jagħmel tajjeb bis-sussidji li għal kap tal-oppożizzjoni huma short-lived.

Il-Partit Nazzjonalista sal-lum għadu ma ħariġx il-workings u d-dettalji tal-bjut li ser jużaw biex jagħmel il-proġett tiegħu tal-enerġija. Għadna qegħdin nistennew lil kelliema nazzjonalisti jagħtu tweġibiet kredibbli għal mistoqsijiet li saru fosthom mill-Ministru Miriam Dalli u mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat li bil-fatti u mhux bil-kliem, urew kemm il-wegħdi tal-Partit Nazzjonalista fil-qasam tal-enerġija mhumiex fattibbli.

Jiena konvinta li l-Partit Nazzjonalista ser jibqa’ jiddefendi l-wegħdi tiegħu iżda mhux ser jagħti tweġibiet konvinċenti. Ser ikompli jagħżaq fl-ilma waqt li jkompli jaħbi l-aġenda tiegħu fosthom li jrid jipprivatizza s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku u jaħbi l-intenzjonijiet tiegħu li jopponi s-sussidju fuq il-petrol u d-diesel fost oħrajn.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport