Bdejna t-tieni ġimgħa tal-kampanja elettorali. Iż-żewġ partiti ewlenin diġà ppreżentaw numru ta’ proposti f’tentattiv li jipperswadu lin-nies biex jagħżlu lil min se jkun qiegħed imexxihom f’dawn il-ħames snin li ġejjin.
Skont l-aktar stħarriġ riċenti ppubblikat mill-Prof. Vincent Marmarà, jidher li l-Partit Laburista għadu jgawdi vantaġġ b’saħħtu fuq il-Partit Nazzjonalista. L-istess jista’ jingħad għad-distakk bejn il-mexxejja, fejn il-Prim Ministru Robert Abela huwa fdat bil-ferm aktar mill-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg.
Iżda bla dubju l-aktar stħarriġ importanti jibqa’ dak tat-30 ta’ Mejju li ġej. Il-jum li fih il-poplu Malti u Għawdxi se joħroġ jivvota fl-elezzjoni ġenerali. Se jkun jum li fih trid tittieħed deċiżjoni importanti ħafna dwar il-futur ta’ dan il-pajjiż. Iżda li hu żgur hu li kull elezzjoni titlaq xejn b’xejn.
Nemmnu li l-fiduċja ma tiġix mix-xejn. Trid taħdem għaliha b’umiltà u ta’ kuljum. Tinżel tisma’ x’għandhom xi jgħidu n-nies fil-pjazez, fit-toroq, fid-djar u anke fuq il-postijiet tax-xogħol. U b’hekk tkompli tisma’ l-ideat tagħhom u tkun tista’ timplimentahom.
Huwa għalhekk tajjeb li nisiltu dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela nnifsu f’kummenti ma’ dan il-ġurnal, fejn wassal il-messaġġ sabiex in-nies jevalwaw dak li l-Partit Laburista qed jipproponi u kif dan se jkun qiegħed jissarraf f’mod konkret fit-titjib tal-benesseri tagħhom.
Barra minn hekk, il-poplu jrid ukoll jagħmel evalwazzjoni ta’ kif kien f’din l-aħħar leġiżlatura, li kompliet tibni fuq is-suċċessi miksuba minn Gvernijiet Laburisti fis-snin ta’ qabel, u ta’ fejn irridu mmorru fiż-żmien li ġej, u kif dawn il-miżuri se jkunu qegħdin jagħmlu l-ħajja tagħhom eħfef, isbaħ u aħjar.
Nemmnu li t-track record ta’ Gvern Laburista jitkellem waħdu, li mhux biss iwiegħed imma jwettaq dak li jwiegħed. Dan minbarra s-sostenn kbir li qed jibqa’ jagħti f’dik li hija għajnuna soċjali u s-sussidji fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils.
Huwa għalhekk li l-poplu, mill-kwiet ta’ daru, se jkun qiegħed jiddeċiedi dwar lil min jemmen illi l-proposti li qed iressaq ’il quddiem huma tassew fattibbli, costed u li fuq kollox se jkunu qegħdin itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom. U mhux fuq wegħdi fl-ajru jew li m’hemm l-ebda garanzija li dawn se jitwettqu.
F’dawn l-ewwel ftit jiem ta’ kampanja elettorali, il-Partit Laburista wera biċ-ċar kemm hu preparat sew u jaf fejn sejjer. Mhux l-istess jingħad għall-Partit Nazzjonalista li bħal donnu nqabad fuq sieq waħda fejn qed iressaq proposti li qed ikomplu jħalla ħafna mistoqsijiet dwar kemm verament jistgħu jiġu mwettqa fil-prattika.
Nemmnu li l-poplu garanzija jrid. Garanzija ta’ min jista’ jmexxih ‘il quddiem u jkompli jwettaq l-aspirazzjonijiet tan-nies. U dan jista’ jkompli jagħmlu Gvern Laburista.


