Wednesday, May 6, 2026

Il-Prim Ministru Robert Abela jħabbar servizzi ta’ saħħa mentali għall-istudenti post-sekondarji 

… €200 fis-sena biex iż-żgħażagħ jattendu avvenimenti kulturali

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ħabbar li bħala parti mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista qed ikun propost li jiġu introdotti servizzi ġodda fuq il-kampus tal-MCAST, il-Junior College u l-Università ta’ Malta, li jinkludu workshops dwar stress, sleep u time management, peer support groups u tisħiħ tas-servizz ta’ terapija individwali għal dawk li jkollhom bżonn. 

Huwa qal li dan hu pass importanti biex tiġi indirizzata r-realtà tas-saħħa mentali fost iż-żgħażagħ b’mod dirett u strutturat. Fl-istess ħin, Dr Abela saħaq fuq l-importanza li ż-żgħażagħ jesperjenzaw ukoll il-kultura f’Malta stess, u ħabbar li se jiżdied il-finanzjament tal-Culture Pass biex aktar studenti jkollhom aċċess għall-arti. 

Barra minn hekk, se tiġi introdotta inizjattiva ġdida msejħa Arts Pass għal żgħażagħ bejn it-18 u l-21 sena, li se tipprovdilhom kreditu ta’ €200 fis-sena biex jattendu avvenimenti kulturali varji. Dawn il-proposti tħabbru meta l-Prim Ministru attenda għat-tnedija tal-kampanja ta’ Żgħażagħ Laburisti li matulha tħabbar is-slogan “Good Politics For Our Future.”
Dr Abela innota kif il-prinċipju “Good Politics is Our Future” mhux biss slogan, iżda twemmin li qed jiġi rifless fil-ħidma u fil-proposti li qed joħorġu mill-manifest elettorali żviluppat miż-żgħażagħ stess. Saħaq li dawn il-miżuri mhumiex biss dwar finanzjament, iżda dwar l-opportunitajiet li joħolqu għall-iżvilupp personali u l-esperjenza tal-ħajja taż-żgħażagħ.

Il-Prim Ministru qal li ż-żgħażagħ huma Malta u li l-kampanja INT Malta, tpoġġihom fiċ-ċentru tal-viżjoni għall-pajjiż. Spjega kif din il-viżjoni tifhem ir-realtajiet taż-żgħażagħ, inkluż ix-xewqa li jibnu darhom, jidħlu fid-dinja tax-xogħol wara l-istudji tagħhom u jiksbu bilanċ bejn ix-xogħol, l-istudju u l-ħin liberu tagħhom. 

Huwa qal li l-għan huwa li ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jħarsu lejn il-futur b’kunfidenza u jħossu li Malta hija pajjiż li jistgħu jsejħulu tagħhom. Irrikonoxxa wkoll l-inċertezzi li jeżistu fid-dinja tal-lum, fosthom tensjonijiet internazzjonali u pressjonijiet ekonomiċi, iżda saħaq li l-Gvern jemmen fil-ħila li l-pajjiż jista’ jkompli javvanza u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.  Dr Abela temm jgħid li l-għan ewlieni tal-politika huwa li ż-żgħażagħ jħossu l-impatt ta’ dawn l-inizjattivi fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. 

Il-President taż-Żgħażagħ Laburisti, Miguel Abela enfasizza kif il-politika għandha tkun għodda li tbiddel il-ħajjiet tan-nies.  Semma xi bidliet li tejbu l-ħajja taż-żgħażagħ u tal-familji Maltin, fosthom l-IVF, iż-żieda fl-istipendji u l-għajnuniet soċjali, iktar opportunitajiet għall-istudju u x-xogħol, kif ukoll iktar ugwaljanza fis-soċjetà. 

Saħaq fuq l-importanza li ż-żgħażagħ jipparteċipaw fil-politika, ikunu kburin b’pajjiżhom u jkomplu jimbuttaw għal aktar investiment fl-isport, fil-kultura, fl-ambjent u fl-għajnuna biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jibnu l-futur tagħhom f’Malta.

Fl-attivita’ ħadu sehem ukoll l-atleta Tenishia Thornton, Matthew Attard minn Solidarjetà , Gilmour Borg li tkellem dwar is-saħħa mentali u l-attivist tal-festi Tristan Duncan.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport