Malta ……………….5
Arabja Sawdija ….1
It-Team Nazzjonali Malti tan-Nisa ta’ Taħt is-17-il Sena kiseb rebħa impressjonanti fis-Centenary Stadiumnhar l-Erbgħa waranofsinhar, meta għeleb lill-Arabja Sawdija b’mod komdu bl-iskor ta’ 5-1. Din kienet l-ewwel waħda minn żewġ logħbiet ta’ ħbiberija internazzjonali bejn iż-żewġ timijiet fi spazju ta’ ftit jiem.
Malta bdiet bl-aqwa mod possibbli meta wara biss żewġ minuti Katrina Catania sabet ruħha waħedha quddiem il-goalkeeper u b’kalma kollha tefgħet il-ballun fix-xibka wara Alnibali. It-tfajliet Maltin komplew jiddominaw u fil-11-il minuta rduppjaw meta Martina Montebello Caruana rċeviet pass preċiż u għeleb lill-goalkeeper Sawdi, f’azzjoni kważi identika tal-ewwel goal.
Malta kompliet toħloq diversi opportunitajiet, b’Catania tolqot il-lasta fil-15-il minuta hekk kif it-team ospitu kien qed jikkontrolla kompletament il-logħba. Fil-30 minuta, Montebello Caruana kellha opportunità oħra eċċellenti, iżda x-xutt tagħha ġie salvat tajjeb minn Alnibali. L-Arabja Sawdija naqqsu id-distakk fil-34 minuta permezz ta’ Ghadi Alotaibi, li skorjat b’xutt tajjeb wara taħwida quddiem il-lasta.
Malta reġgħet fetħet vantaġġ ta’ żewġ goals fit-53 minuta meta xutt ta’ Catania ġie salvat minn Alnibali, iżda l-ballun waqa’ għand Amy Muscat li ma żbaljatx. Fit-61 minuta, l-iskor sar 4-1 meta pass mill-aqwa ta’ Muscat sab lil Catania biex skorjat it-tieni goal personali hekk kif Malta kienet qed tikkontrolla l-logħba b’kumdità.
L-iskor sar 5-1 fis-76 minuta meta Montebello Caruana wkoll kisbet it-tieni goal tagħha tal-partita wara li għelbet in-nasba tal-offside u tefgħet il-ballun fix-xibka.
Malta assigurat ir-rebħa b’wirja eċċellenti fis-Centenary Stadium fejn uriet il-kwalità offensiva tagħha matul il-logħba kollha.
Malta: Katelyn Camilleri (Mariah Chircop 81’), Amie Marta Portelli, Erika Cini, Martina Mendez Vasquez (Jade Micallef Cassar 81’), Elanya Mallia (Shanaia Mifsud 81’), Katrina Catania (Katrine Jorgensen 63’), Keziah Richard (Jade Micallef Cassar 63’), Martina Montebello Caruana, Amberley Borg (Amy Muscat 46’), Ivy-Rose Blag, Kesia Farrugia (Rihanna Fava Borg 46’) – Coach: Clint Tabone
Arabja Sawdija: Dana, Alnibali, Siwar Amro, Arwa Alrashed, Diyala Suroji (Retal Hakami 63’), Reem Almubarak, Hala Alshuduki (Rema Abdulaziz 83’), Ghadi Alotaibi, Hiba Ouhachi (Sadeem Alsushaymi 63’), Rimas Ahmed, Kenzy Alaa, Danah Alduhayan – Coach: Aikatrini Falida
Referee: Mark Azzopardi


