Thursday, June 4, 2026

L-IMPORTANZA TAT-TURIŻMU F’PAJJIŻNA

Aqra wkoll

Is-settur turistiku f’Malta qed jikber b’ritmu mgħaġġel aktar milli kien mistenni u fix-xhur li ġejjin mistennija naraw żieda qawwija fil-wasliet tat-turisti f’pajjiżna. Dan huwa importanti ħafna għal dak li bosta ekonomisti jikkunsidrawh bħala wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija Maltija.

Dan hekk kif skont iċ-ċifri tal-NSO, fl-ewwel erbaʼ xhur tal-2026, waslu Malta 1,215,966 turist, żieda taʼ 16.4 fil-mija fuq l-istess żmien tal-2025. Intant, fʼApril ta’ din is-sena, l-għadd sħiħ tat-turisti li daħlu Malta kien stmat li laħaq l-409,403, żieda taʼ 16.6 fil-mija meta mqabbel mal-istess xahar sena qabel.

 Naqblu li sabiex dan is-settur ikompli jikber b’mod sostenibbli, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kienet nediet strateġija sas-sena 2030. Din l-istrateġija ambizzjuża għandha l-għan ukoll li tħares lejn l-evoluzzjoni tal-industrija sabiex tkun waħda effettiva għal żmien twil. Dan filwaqt li tagħti importanza wkoll lill-gżira Għawdxija, bħala sors importanti ta’ turiżmu.

Bħala parti minn dan il-proċess ta’ tisħiħ tas-settur turistiku Malti, il-Gvern investa kemm felaħ u se jkompli jagħmel dan sabiex il-livell jibqa’ jogħla u fuq kollox jagħti esperjenza pożittiva lil dawk li jiġu jitpaxxew b’dak li jafu joffru l-gżejjer Maltin. 

Quddiem dan kollu nemmnu li t-turiżmu huwa wieħed mill-aktar setturi importanti għal Malta għax jagħti kontribut qawwi lill-ekonomija u joħloq ħafna opportunitajiet ta’ xogħol. Kull sena, eluf ta’ turisti jagħżlu lil pajjiżna għall-klima sabiħa, il-baħar nadif, il-kultura u l-istorja rikka li għandna. 

Permezz tat-turiżmu, ħafna familji Maltin u Għawdxin għandhom impjieg stabbli u negozji lokali jkollhom aktar opportunitajiet biex jikbru. Barra minn hekk, it-turiżmu jgħin biex pajjiżna jibqa’ jinvesti fl-infrastruttura, fit-tindif, fil-wirt storiku u f’aktar attrazzjonijiet biex kemm it-turisti kif ukoll ir-residenti jgawdu ambjent aħjar.

Huwa essenzjali li l-pajjiż jibqa’ jaħdem favur turiżmu sostenibbli li jirrispetta l-ambjent u l-komunitajiet tagħna, sabiex il-ġenerazzjonijiet futuri jibqgħu jibbenefikaw minn dan is-settur importanti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport