Kellha biss tnax-il sena meta iltaqgħet ma’ ġuvni, ħames snin akbar minnha. Kienet tiġi mgħajra mill-grupp tal-ħbieb u allura riedet li jkollha x’taqsam ma’ ġuvni biex jieqaf it-tgħajjir. Il-ġuvni kien ħames snin ikbar minnha u kien jeħodha torqod għandu u jkollhom x’jaqsmu flimkien mingħajr protezzjoni. Inqabdet tqila u welldet meta kienet għadha kemm għalqet erbatax-il sena. It-tifla tagħhom għaddiet minn sitwazzjonijiet xejn feliċi, bił-Qorti tiddeskrivi dań il-każ bħala “ta’ tfal irabbu lit-tfal”.
L-omm xehdet fil-Qorti
L-omm xehdet li matul it-tqala, il-ġuvni kien ikun iridha miegħu fil-ħanut u kien jagħmel minn kollox biex jipprova jkorri lit-tarbija. Hu qatt ma akkumpanjaha għall-viżti ta’ matul it-tqala jew waqt il-ħlas u kien qalilha li jibża’. It-tfajla tgħid li qatt ma kellha relazzjoni tajba ma’ omm il-ġuvni għax mill-ewwel darba li ratha kienet għajritha. Wara li twieldet it-tarbija, il-ġuvni kien jaqla’ l-argumenti għax hi ma kinitx qed ittih biżżejjed attenzjoni u wara ftit tax-xhur, anke minħabba li kien jagħmel użu mis-sustanzi, kienet waqfet ir-relazzjoni.
Mix-xhieda jirriżulta li meta tfarfret ftit it-tifla, ħarġu problemi oħra bħal li l-ġuvni baqa’ jidħol magħha meta tkun se tinħasel jew li tiġri mal-familjari tiegħu skont min ikun disponibbli biex iżommha għax kemm il-ġuvni u anke ommu kienu jkunu xogħol.
It-tfajla għamlet l-ewwel proċeduri għall-manteniment meta t-tifla kellha madwar erba’ snin. Dawn il-proċeduri kienu waslu għal żmien meta l-minuri kienet tirrisjedi għand il-ġuvni u sussegwentement kienu laħqu arranġament li l-minuri tqatta’ ġimgħa għand l-omm u ġimgħa għand il-missier. Tgħid li l-Qorti kienet ordnat li l-minuri tgħix ma’ missierha minħabba li dak iż-żmien l-omm kienet taħdem billi tesponi lilha nnifisha fuq sit elettroniku. Matul dan iż-żmien, il-minuri kienet inbidlet ħafna, kellha ċertu rabja u ma kellhiex dixxiplina.
L-omm waqfet ix-xogħol tas-sit elettroniku, għamlet kors u llum taħdem billi tbiegħ u tikri l-proprjetà. Intqal li l-Qorti rat kopja tal-messaġġi skambjati bejn il-partijiet dwar it-tifla u rat kif il-missier jieħu kull opportunità biex jgħajjarha minflok ikellimha biss fuq it-tifla. Min-naħa tagħha l-omm lanqas toqgħod lura u għax ma qablitx miegħu fuq ir- raġuni li għaliha ma bagħatx lit-tifla l-iskola, ikkomunikat miegħu b’mod dispreġjattiv Il-Qorti qalet li “dawn il-messaġġi juru lil din il-Qorti kemm il-partijiet mhumiex kapaċi jikkomunikaw għall-ġid tat-tifla lanqas meta l-minuri tkun ma tiflaħx jew ikollha bżonn xi ħtiġijiet għall-iskola”.
L-omm tgħid li għajjarha u heddidha li joqtolha
Fix-xhieda tagħha l-omm qalet li kemm-il darba għajjarha u heddidha li ser joqtolha. Tgħid li anke kien issellef il-flus sabiex iqabbad lil xi ħadd iweġġagħa. Sostniet li l-missier qatt ma jieħu lill-minuri fil-ġranet tal-mużew u għalhekk dejjem trid twassalha hi. Hi m’għandhiex ġurnata mat-tifla li fiha ma jkollhiex impenji. Il-minuri kienet spiċċat mingħajr mużew minħabba li l-missier ried jagħmlilha transfer għal post ieħor, iżda ma kienx lest jieħu ħsieb jagħmel l-arranġamenti neċessarji u l-omm rrifjutat li tagħmel dan għax ma kinitx ġiet ikkonsultata fuq din id-deċiżjoni.
Irrapporta lid-Direttorat u għamel rapport falz bil-għan li jeħdulha lit-tifla
Ħabiba tal-qalb tal-omm xehdet li ilhom jafu lil xulxin għal madwar disa’ snin u qalet li kienet f’relazzjoni ma’ ħabib kbir tal-missier. Tgħid li kienu jiltaqgħu mal-missier li kien jitkellem b’mod dispreġjattiv għall-aħħar fuq l-omm u familtha u kemm-il darba qal li jrid joħdilha t-tifla. Tgħid li kienet għamlet perjodu miġġielda minn mal-omm u l-missier kien jistaqsiha jekk kienux għadhom miġġildin. F’dan il-perjodu, hu kien ippropona li jagħmel rapport lid-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal u hi kienet qablet miegħu. Tgħid li pruvat toħroġ minnha imma kien qed ikollha xi tgħid mas-sieħeb tagħha u għalhekk kompliet magħhom. Il-missier kien qalilha li hi kellha tgħid li l-omm kienet tieħu u tbiegħ id-droga u li kienet tesponi ruħha għar-ritratti quddiem it-tifla. Hi bdiet tibża’ għax kienet taf li kienet ser tgħid xi ħaħa lill-ħaddiema soċjali li ma kinitx il-verità imma l-missier serħilha rasha li ma kinitx ser tasal sal-Qorti.
Tgħid li x’ħin daħlu, kienu qagħdu bilqiegħda wieħed kull naħa u intimidawha billi qagħdu l-ħin kollu jħarsu lejha. Wara li ħarġu, il-missier ried li x-xhud tmur taghmel rapport għand il-Pulizija iżda ħarġet minnha billi qalet li kienet għajjiena u riedet tistrieħ għax l-għada kienet xogħol. Wara ftit taż-żmien, hi u l-omm kienu reġgħu saru ħbieb u hi kienet qaltilha b’kollox.
It-tifla tħobb liż-żewġ ġenituri
Tixhed psikologa u terapista tal-familja, li ġiet maħtura mill-Qorti sabiex taħdem mal-minuri. Qalet li t-tifla tħobb liż-żewġ ġenituri u trid ħin mat-tnejn li huma iżda tħossha maqbuda f’kunflitt bejniethom. Iż-żewġ ġenituri jħobbu lill-minuri iżda t-tnejn tkellmu max-xhud fuq tħassib li għandhom fuq il-ġenitur l-ieħor. Qalet li konsistentement il-minuri esprimiet xewqa li tkun f’kuntatt maż-żewġ ġenituri. Spjegat li l-minuri hi maqbuda bejn iż-żewġ ġenituri f’dak li fil-psikoloġija jirreferu għaliha bħala “split loyalty” u tiddejjaq meta l-ġenituri jgħidulha kontra xulxin tant li tkun trid titbiegħed minn dak il-ġenitur li jkun ikkritika lill-ġenitur l-ieħor.
Jixhed il-missier
Il-missier xehed li meta twieldet it-tarbija ma baqgħux jaqblu u kull darba li kienu jargumentaw, l-omm kienet twaddablu l-affarijiet u kien għalhekk li waqqaf ir-relazzjoni. Jgħid li meta kienu f’relazzjoni flimkien, it-tfajla kienet torqod u tqum għandu, tmur id-dar tagħha għal ħwejjeġ biss. Ommu ma kinitx kuntenta b’dan iżda kien irnexxielu jipperswadiha. Jgħid li hu għandu relazzjoni tajba ħafna ma’ bintu għax jinvesti l-ħin għaliha. Jgħid li hu jaħdem ma’ missieru u għalhekk jirranġa l-ħinijiet biex ikun jista’ jwassalha u jiġborha mill-iskola. Jispjega li t-tifla dejjem miegħu tkun u qatt ma jħalliha tiġri mal-familjari tiegħu. Jgħid li kellu sieħba li kien ikollu x’jaqsam magħha sesswalment fl-istess kamra fid-dlam fejn kienet tkun rieqda t-tifla u wara li ħassar minn magħha, din is-sieħba kienet marret u qalet lill-omm dwar dan b’vendikazzjoni lejh. Jgħid li t-tifla tgħidlu li tixtieq tgħix miegħu għax meta tkun miegħu, jiddedika l-ħin kollu għal magħha. Hemm kamra oħra tas-sodda fejn tista’ torqod iżda t-tifla tippreferi li torqod miegħu. Jgħid li kien hemm drabi meta t-tifla marret liebsa ħwejjeġ imqattgħin jew bi qliezet ta’ taħt tal-omm.
Jgħid li kien issottometta ruħu għal test tal-awrina u kien irriżulta negattiv għal sustanzi illeċiti. Kienu reġgħu ċemplulu wara ġimagħtejn u kien irrifjuta għax ma fehemx għalfejn kellu jerġa’ jagħmel test ieħor. Mistoqsi fuq l-użu tal-ħaxixa jgħid li għandu l-karti neċessarji biex ikun jista’ jpejjep qabel jorqod minħabba uġigħ li għandu f’dahru.
Il-Qorti tesprimi tħassib fil-
konfront tal-ġenituri
Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha qalet li rriżulta mill-provi mressqa li ż-żewġ ġenituri jħobbu ħafna lil binthom, iridu jqattgħu ħin magħha u jiddedikaw il-ħin u l-enerġija lejn it- trobbija tagħha. Madanakollu rriżulta ukoll diversi tħassib serju fil-konfront tal-ġenituri. Fil-konfront tal-missier, il-Qorti iddeplorat il-fatt li kien hemm l-istanza meta huwa wettaq atti sesswali mal-eks sieħba tiegħu fl-istess sodda fejn kienet rieqda l-minuri. Tiddeplora bla riservi l-attentat tiegħu li jkisser lill-omm billi konsapevolment u bi ftehim ma’ sħabu mar għand id-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal u għamel rapport falz kontra l-omm u fil-verità ried ukoll jagħmel rapport mal-Pulizija.
Il-Qorti qalet ukoll li għandha tħassib fuq l-aġir tal-omm. Il-Qorti tqis li l-omm fil-passat kienet tiggwadanja l-flus billi tesponi ġisimha għall-gwadann. Jidher li din kienet prassi fil-passat tal-omm li llum il-ġurnata mmaturat, għamlet diversi courses, ħadmet bħala Estate Agent, u llum il-ġurnata qed tistudja biex issir infermiera. Il-Qorti qieset ukoll li l-omm naqset milli taġixxi b’responsabbiltà meta għamlet allegazzjonijiet fil-konfront tal-missier li anke wasslu għall-Inkjesta Maġisterjali li ngħalqet bil-konkluzjoni li kien hemm rapport falz. Kien hemm ukoll il-fatt li l-omm għamlet pressjoni fuq il-bint biex tixhed kontra l-missier u akkumpanjatha tagħmel rapport kontrih.
Fis-sentenża tagħha l-Qorti qalet li ma temminx li jkun għaqli li l-kura u kustodja tat-tifla tkun vestita esklussivament f’idejn l-omm, liema omm baqgħet konsistentement tipprova telimina lill-missier minn ħajjet il-minuri. Il-Qorti tati piż lix-xhieda tal-psikologa fejn tkellmet b’mod ċar li l-minuri hi maqbuda bejn iż-żewġ ġenituri f’split loyalty u li l-minuri tħossha responsabbli emozzjonalment għaż-żewġ ħenituri. Il-Qorti qalet li hu sinifikanti li l-minuri qed tipprova tutilizza s-sessjonijiet tat-terapija biex timmatura filwaqt li l-ġenituri tagħha, injoraw x-xewqat tal-minuri u jattentaw joskuraw it-terapija tal-minuri bl-allegazzjonijiet tagħhom fil-konfront ta’ xulxin, fil-pika għamja kontra xulxin. Qalet li jjirriżulta ċar li donnu l-għan ewlieni tal-partijiet huwa li jaraw kif ser jagħmlu biex ikissru lil xulxin u għadhom ma rrealizzawx li dan l-aġir qed iħalli impatt kbir fuq binthom il-minuri. Intqal li ħareġ ċar mill-provi li l-minuri qed iġġorr rabja lejn iż-żewġ ġenituri.
Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, il-Qorti qalet li ma tqisx li jkun għaqli li l-kura u kustodja tkun fdata esklussivament f’idejn ġenitur wieħed. Il-Qorti qalet li ħareġ b’mod ċar daqs il-kristall li l-minuri għejjiet timxi minn residenza għal residenza. Ħareġ ċar mill-provi ukoll li l-minuri anke tgħallmet taddatta l-imġieba u d-dehra tagħha skont il-ġenitur li tkun miegħu fejn mal-missier tilbes aktar ta’ tifla innoċenti filwaqt li mal-omm tilbes aktar ta’ tfajla u titkellem fuq is-subien. Dan il-fatt li l-minuri taddatta kemm l-imġieba kif ukoll id-dehra tagħha huwa ta’ tħassib għal din il-Qorti għax jista’ jfisser li l-minuri qed tbati biex issib l-identità tagħha nnifisha. Ghalhekk il-Qorti enfasizzat l-ħtieġa li din il-minuri tibqa’ tiġi appoġġjata u segwita mill-psikologa.
Fid-deċiżjoni tagħha il-Qorti qalet li tifhem li l-omm u l-missier ċertament mhumiex il-ġenituri ideali. Enfasizzat li l-Qorti ma jidhirliex li għandha tofthom lit-tifla mid-dar tal-ġenituri tagħha u dan mhux biss għax dak li ġara kien sforz il-fatt li dan kien każ fejn tfal kienu qed irabbu lit-tfal, iżda ukoll għax it-tifla ġenwinament tħobb liż-żewġ ġenituri tagħha.


