Thursday, June 4, 2026

Binha kien joqgħod iħabbat kontinwament mal-bieb tagħha tard bil-lejl biex jitlobha l-flus

….ħa f’idejh il-kontroll sħiħ tal-ħajja ta’ ommu, billi ħadilha l-mowbajl u neħħielha s-SIM card.

Aqra wkoll

Każ mill-Qorti l-għajn din il-ġimgħa u li juri realtà soċjali kien dak ta’ raġel kien arrestat wara li allegatament seraq u ta’ fastidju lil ommu ġimgħat wara biss ftit ziem li kien ħareġ mill-ħabs. Il-Qorti ma setgħetx ma tikkummentax u nnutat in-nuqqas ta’ strutturi ta’ integrazzjoni għall-eks priġunieri.

Stephen Mifsud, li qatta’ kważi sentejn il-ħabs, inżamm taħt arrest preventiv wara li allegatament kiser ordni ta’ protezzjoni, seraq lil ommu, u kontinwament ta’ fastidju għall-flus ftit tal-ġimgħat biss wara li nħeles mill-ħabs.

L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ vjolenza domestika, serq aggravat, u li kiser diversi ordnijiet tal-qorti, inkluż il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tiegħu u ordni ta’ protezzjoni fis-seħħ.

Il-każ seħħ nhar fis-26 ta’ Mejju 2026, meta t-Taqsima tal-Vjolenza Domestika ġiet infurmata b’rapport magħmul minn mara li f’dak il-mument kienet rikoverata bħala pazjenta fl-Isptar Mater Dei.

Il-qorti semgħet kif l-akkużat kien inħeles mill-ħabs fuq ħelsien mill-arrest fil-5 ta’ Mejju. Minkejja ordni ta’ protezzjoni attiva li kienet tipprojbih b’mod espliċitu milli jersaq lejn ommu jew joqgħod magħha, huwa mar immedjatament jgħix f’darha fl-Imsida.

Malli daħal ġewwa, ir-raġel allegatament ħa f’idejh il-kontroll sħiħ tal-ħajja ta’ ommu, billi ħadilha l-mowbajl u neħħielha s-SIM card.

Il-vittma qalet lill-pulizija li hija kontinwament ċediet għat-talbiet tiegħu, fejn dan l-aħħar kienet tagħtu €200 bit-tama ddisprata li jieqaf. Madankollu, il-fastidju eskala. Meta hija rrifjutat it-talba tiegħu għal €600 oħra, l-akkużat allegatament serqilha l-flus xorta waħda.

L-omm iddeskriviet kif binha kien joqgħod iħabbat kontinwament mal-bieb tagħha tard bil-lejl biex jitlobha l-flus. Is-sitwazzjoni laħqet il-quċċata tagħha meta l-pulizija marru fir-residenza fl-Imsida u arrestaw lir-raġel fl-10pm. 

Minn verifiki ulterjuri li saru mill-Pulizija rriżulta li l-akkużat kien fid-dover li jiffirma l-ktieb tal-ħelsien mill-arrest kuljum, iżda kien diġà naqas milli jagħmel dan il-ġurnata ta’ qabel.

Fil-Qorti, l-avukat difensur Nicholas Mifsud talab li tinħareġ ordni temporanja ta’ superviżjoni u ordni ta’ trattament għat-tul kollu tal-proċeduri, fejn stqarr li “d-dinja belagħtu”. 

Il-Qorti stqarret b’mod ċar li wara li qatta’ aktar minn 20 xahar il-ħabs, l-akkużat kien tilef għalkollox l-abbiltajiet soċjali tiegħu, filwaqt li sostniet li s-sitwazzjoni attwali setgħet ġiet evitata għalkollox li kieku kien hemm appoġġ strutturali xieraq biex jgħin lill-eks priġunieri jintegraw mill-ġdid fis-soċjetà.

Il-Qorti osservat li dak li seħħ seta’ potenzjalment jiġi evitat li kieku kien hemm strutturi stabbiliti biex jassistu lil individwi li jkunu qed jadattaw ruħhom għas-soċjetà wara perjodu twil ta’ inkarċerazzjoni, partikolarment billi jgħallmuhom abbiltajiet varji biex jaffaċċjaw il-ħajja, coping skills, u jerġgħu jsibu saqajhom. Għaldaqstant, l-akkużat ingħata ordni ta’ trattament sa tmiem il-proċeduri.

Il-Maġistrat tal-Għassa Kevan Azzopardi preseda fuq il-każ.  L-avukat tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Michael Muscat, flimkien mal-Ispettur Sherona Buhagiar, mexxew il-prosekuzzjoni. L-avukat Nicholas Mifsud deher għall-akkużat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport