Sunday, May 5, 2024

Valencia mmultati u kkastigati

Aqra wkoll

Wara l-inċident ta’ abbuż razzist li seħħ fil-konfront ta’ Vinicius Junior waqt il-partita tal-Ħadd bejn Valencia u Real Madrid, il-Kumitat tal-Kompetizzjoni tal-RFEF ħa l-pożizzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni.

Fi stqarrija uffiċjali, l-RFEF iddikjarat li Valencia ġew immultati €45,000 minħabba l-inċident. Barra minn hekk, is-South Stand ta’ Mario Kempes, minn fejn Vinicius kien abbużat razzjalment, ingħalaq għal ħames logħbiet.

Dan ifisser li l-ebda partitarju ta’ Valencia mhu se jkun permess f’dik l-istand għall-partita tagħhom kontra Espanyol fi tmiem il-ġimgħa, kif ukoll fl-ewwel logħbiet tal-club f’darhom fl-istaġun li ġej.

Din hija l-ewwel darba li ngħatat piena parzjali għall-għeluq tal-istadium dan l-istaġun, minkejja l-fatt li kien hemm diversi inċidenti ta’ abbuż razzist fuq Vinicius, kif ukoll fuq players oħra fosthom Samuel Chukwueze ta’ Villarreal.

Huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, għalkemm ma tantx hemm dubju li għad fadal triq twila qabel ma jintlaħaq stadju li permezz tiegħu l-abbuż razzist fil-futbol, u speċjalment fil-football Spanjol, jista’ jinqered.

IL-PULIZIJA JARRESTAW ERBGĦA

Il-pulizija Spanjola ħabbret l-arrest ta’ erba’ persuni b’rabta mad-dendel ta’ effiġi ta’ Vinicius Junior f’Jannar, li seħħ qabel derby ta’ Madrid.

L-inċident seħħ jew tard fil-25 jew fis-sigħat bikrin tas-26 ta’ Jannar qrib il-ground tat-taħriġ ta’ Valdebebas ta’ Real Madrid. Parallel ma’ awtostrada popolari, kien imdendel banner bil-kliem ‘Madrid hates Real’ b’pupa sewda liebsa flokk ta’ Vinicius imdendel taħtha.

Filwaqt li l-investigazzjonijiet kienu ilhom għaddejjin għal xi żmien, ħafna kienu xxukkjati għal dan id-dewmien tant li biex jinġiebu l-ħatja, għaddewe kważi erba’ xhur bejn l-inċidenti u l-arresti.

Minħabba li Vinicius reġa’ ġie abbużat razzjalment nhar il-Ħadd li għadda, f’inċident li ġibdet l-attenzjoni tal-midja internazzjonali, iż-żmien ma jidhirx b’kumbinazzjoni.

Il-pulizija żvelat li l-erba’ persuni arrestati kellhom 19, 21, 23 u 24 sena, u kollha kienu nvoluti fi grupp ta’ partitarji radikali. Jgħidu li ġew identifikati waqt logħbiet ta’ ‘riskju għoli’, bl-użu ta’ sorveljanza tal-pulizija.

Dan huwa tal-inqas pass żgħir lejn il-ġustizzja fuq dik li tidher triq dejjem aktar twila biex jiġi ndirizzat ir-razziżmu fil-football Spanjol. Sfortunatament, dawn l-attitudnijiet jidhru pjuttost aktar mifruxa milli dehru sena ilu.

Sport