Iċ-ċiklista Franċiż Antoine Magaud ta’ The Cyclist by Agones iddomina t-tieni stadju tat-30 edizzjoni tat-Tour ta’ Malta, meta ħarab waħdu f’nofs it-tiġrija biex bena vantaġġ sostanzjali fil-kategorija Elite u rebaħ b’ħin ta’ 1:59:28, b’vantaġġ impressjonanti ta’ 3 minuti u 33 sekonda fuq sieħbu Kai Azzopardi, li spiċċa fit-tieni post. Andrei Cassone, ukoll ta’ The Cyclist by Agones, temm fit-tielet post b’ħin ta’ 2:03:03, biex dan il-klabb kiseb podium komplet.
B’din ir-rebħa, Magaud kiseb il-flokk prestiġjuż l-aħmar u issa qed igawdi vantaġġ ta’ 4 minuti u 14-il sekonda fil-klassifika ġenerali, u jinsab ferm viċin li jirbaħ it-Tour ta’ Malta għat-tieni darba wara li kien rebħu fl-2023 meta kien saq mal-klubb Franċiż ta’ Uni Sport Lamentinois.
Dan it-tieni stadju kien jikkonsisti f’Road Race fuq iċ-ċirkwit ta’ San Martin, fejn il-kategorija Elite kkompetiet fuq tmien dawriet (62.72km), filwaqt li n-Nisa u l-Masters għamlu seba’ dawriet (54.88km).
Fil-kategorija tan-Nisa, Ellie Mitchinson (Brother UK – On Form) rebħet it-tieni stadju konsekuttiv b’ħin ta’ 1:58:05. Gemma Mitchell ta’ FTP Racing Team kellha terġa’ tikkuntenta bit-tieni post, tispiċċa biss rota wara r-rebbieħa, filwaqt li żammet il-vantaġġ tagħha fil-klassifika ġenerali ta’ 17-il sekonda. Fit-tielet post daħlet Margerita Di Martino ta’ ASD Bike Queen Sicilia b’ħin ta’ 2:04:33.
Fil-kategorija Masters, Carmelo Aiello ta’ MTB ASD Rosolini – Sicilia ħareġ rebbieħ b’ħin ta’ 1:46:41, wara sprint finali eċċitanti ma’ Carmelo Nicolosi ta’ Team Sparkle Scicli – Sicilia, li minkejja t-tieni post baqa’ jżomm il-flokk l-aħmar b’vantaġġ ta’ 15.99 sekonda fil-klassifika ġenerali. Mario Marino, ukoll ta’ MTB ASD Rosolini – Sicilia, temm fit-tielet post b’ħin ta’ 1:47:55.
Fi tmiem l-istadju, Joe Bajada, Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, assistit minn Leon Zammit u Francesco Fenech Conti mill-Kumitat Organizzattiv tat-Tour, ippreżentaw il-medalji u l-flokkijiet ħomor lir-rebbieħa u l-leaders tal-kategoriji.
It-Tour jiġi fi tmiemu għada, il-Ħadd 26 ta’ April, fuq iċ-ċirkwit ta’ St Paul’s Bypass, bit-tiġrijiet jibdew fis-7:30am. Il-kategorija Elite ser tagħmel 12-il dawra (64.92km), filwaqt li n-Nisa u l-Masters jagħmlu 10 dawriet (54.1km).
L-organizzaturi appellaw għall-koperazzjoni tal-pubbliku fir-rigward tal-għeluq tat-toroq matul il-weekend sabiex tiġi assigurata s-sigurtà taċ-ċiklisti u l-ispettaturi kollha.


