Ħaddiem tal-Air Malta, li kien jaħdem bħala l-Kap tal-Cargo Sales rebaħ kumpens ta’ €68,000 mingħand l-Air Malta. Hu kien fetaħ proċedura għax minkejja li kien intitolat għal ‘Performance Bonus’ ta’ mhux aktar minn 20 fil-mija tas-salarju tiegħu, hu tħallas biss dan il-bonus fis-sena 2013. Hu kien fetaħ proċeduri kontra l-kumpanija minħabba li din ma ħallsitux il-Performance Bonus mis-sena 2014 sa 2022.
Il-kumpanija kienet wieġeb fil-proċeduri legali li l-ħlas tal-Performance Bonus mhux awtomatiku. Il-Qorti iddikjarat li wara li għarblet bir-reqqa x-xhieda u l-provi prodotti quddiemha, tasal tikkonkludi li filwaqt illi effettivament kien hemm Company Policy viġenti, din ma kinitx applikata fil-prattika, jew, jekk applikata, kienet applikata biss parzjalment.
Issemmi kif Dr Andre Borg esebixxa dokument li pprepara hu stess għall-fini tal-kawża, li fih jgħid illi għaqqad informazzjoni minn diversi dokumenti tal-kumpanija u preżentazzjonijiet li ġew ippreżentati quddiem il-Bord tad-Diretturi tul is- snin, u li fihom kien hemm il-metriċi dwar l-andament tal-kumpanija. L-għan tal-kumpanija kien li turi b’dan id-dokument illi l-kumpanija kellha Company KPIs u, li fis-snin illi fihom ma ngħatax Performance Bonus, ma kinitx laħqithom.
Fis-sentenza l-Qorti qalet din il-Qorti ma tistax ma tinnotax li anke jekk, għall-grazzja tal-argument, jingħad li l-KPIs tal-kumpanija kienu stabbiliti, ma tressqet l-ebda prova li tali KPIs kienu komunikati lill-ħaddiem u impjegati oħra bħalu u li l-KPIs individwali kienu ġew stabbiliti.
Forsi wieħed jargumenta li ġaladarba l-KPIs tal-kumpanija ma ntlaħħqux, il-bonus xorta waħda ma setax jingħata skont il-Company Policy, irrispettivament minn jekk kinux ġew stabbiliti l-KPIs individwali, Madanakollu, din il-Qorti ma tarax kif jista’ impjegat jaħdem sabiex jintlaħqu l-KPIs tal-kumpanija mingħajr ma jkunu ġew stabbiliti KPIs għad-Dipartiment rispettiv li miegħu jkun impjegat.
Għaldaqstant, bin-nuqqas tal-kumpanija li tistabbilixxi KPIs individwali, kienet awtomatikament qed iċċaħħad lill-ħaddiem milli jieħu Performance Bonus, irrispettivament mill-andament tal-kumpanija.


