Thursday, March 28, 2024

VMFA Hyundai Premier League: Rabat jaħsdu lil Gżira United

Aqra wkoll

Rabat Veterans wettqu waħda mill-akbar sorpriżi fit-tmien ġurnata tal-VMFA Hyundai Premier League meta għelbu lil Gżira United 9-7.

Kienet logħba ferm interessanti b’Rabat li minkejja li d-differenza fil-klassifika, taw logħba lill-Gżirjani li kellhom ibaxxu rashom għar-raba’ telfa staġjonali.

Adam Smeir kien ta’ ispirazzjoni għar-Rabtin meta skorja erba’ gowls filwaqt li Timothy Zammit u Darren Galea skorjaw doppjetta kull wieħed b’Kevin Loughborough li wkoll niżżel ismu fost l-iskorers.

Gżira baqgħu fil-logħba b’gowls ta’ Trevor Cilia li skorja tripletta, Alex Muscat li wettaq doppjetta b’Jamie Pace u Firas Aboulezz li skorjaw gowl kull wieħed.

Il-leaders Żejtun Red Stars ġew miżmuma fi draw ta’ 2-2 minn Żurrieq Wolves. Dawn tal-aħħar ipproduċew wirja mill-aqwa fejn qatt ma kienu inferjuri għall-avversarji tagħhomm.

Joseph Chetcuti u Gilbert Camilleri Lowell skorjaw għal Żejtun b’Żurrieq isibu x-xibka permezz ta’ Robert Zammit u Christian Bezzina.

L-MFPA jinsabu punt biss bogħod mill-quċċata wara li għelbu lil Pieta’ Hotspurs 7-1.

Kif mistenni l-MFPA kellhom ħafna mill-pussess bi Pieta’ li ma sabuhiex faċli jilagħbu l-logħob tipiku tagħhom.

Il-plejer il-ġdid Taljan Stefano de Angelis u l-eks internazzjonali Malti Michael Mifsud kienu l-eroj għalihom hekk kif skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li Thomas Paris, Jonathan Bondin u Mark Barbara u skorjaw il-gowls l-oħra għat-tim tagħhom.

Pieta’ naqqsu l-marġni tal-iskor minn Leandros Calleja.

Birkirkara St Helen ukoll daħlu biċ-ċans għar-rebħ tal-kampjonat għalkemm xejn ma sabuha faċli sabiex jegħlbu lil Luxol St Andrews 4-3.

Il-Karkariżi stabilixxew vantaġġ komdu iżda raw lill-avversarji tagħhom iwettqu reazzjoni fit-tieni taqsima għalkemm ma kienx biżżejjed biex jieħdu punt.

David Azzopardi u Glenn Bonello skorjaw doppjetta kull wieħed b’Ronnie Hartvig jiskorja t-tliet gowls ta’ Luxol.

KLASSIFIKA – VMFA Hyundai Premier League

Żejtun Red Stars 20, MFPA 19, Birkirkara St Helen 16, Gżira United 12, Rabat Veterans 8, Pieta’ Hotspurs 7, Luxol 5, Żurrieq Wolves 3

Ekonomija

Sport